Lokali
Il-Gvern ifittex spazju għall-ewwel ambaxxata Maltija f’Tokyo

Il-Gvern Malti beda jfittex spazju f’Tokyo l-Ġappun fejn jista’ jiftaħ l-ewwel ambaxxata Maltija f’dan il-pajjiż fl-Asja li miegħu Malta għandha bilanċ kummerċjali pożittiv ta’ aktar minn 80 miljun ewro fis-sena.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, qal li d-deċiżjoni li jkun hemm rappreżentanza diplomatika Maltija fil-Ġappun ittieħdet riżultat ta’ relazzjoni politika b’saħħita u opportunitajiet kummerċjali kbar li jeżistu.

Il-kumpanija Avifilm hija bbażata fil-qasam industrijali ta’ San Ġwann u l-erbgħin ħaddiem tagħha jimmanifatturaw materjal fosthom tikketti speċjalizzati u riċiklabbli li jintużaw fuq prodotti varji li qed jiġu esportati f’erbatax-il pajjiż fosthom il-Ġappun kif spjegalna l-General Manager, Robert Cassar.

“Il-Ġappun kien suq diffiċli biex tidħol fih, konna ppruvajna qabel imma dejjem sibna, konna furtunati li s-sena l-oħra Trade Malta organizzat delegazzjoni u aħna pparteċipajna, iltqajna ma’ stakeholders Ġappuniżi li kienu interessati fil-prodotti tagħna u minn hekk bdew taħditiet kummerċjali.”

Avifilm hi fost 44 kumpanija Maltija li bħalissa qed jesportaw lejn il-Ġappun għal total ta’ kważi mija u ħamsin miljun ewro fis-sena (€149m). Is-sena li għaddiet, Malta importat b’madwar sebgħin miljun ewro (€66.8m) mill-Ġappun.

Fi tmiem laqgħa tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija-Ġappuniża, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela qal li fil-ġimgħat li ġejjin ir-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bejn Malta u l-Ġappun għandhom ikomplu jissaħħu b’riżultat ta’ deċiżjoni politika importanti li ħa l-kabinett.

“Iddeċidejna bħala Gvern Malti li niftħu ambaxxata f’Tokyo li din għandha ttina spinta ġdida fir-relazzjonijiet tagħna ma’ dan il-pajjiż kbir li aħna dak li diġà qed isir tajjeb nippruvaw intejbuh u nippruvaw niftħu opportunitajiet oħra fil-kummerċ għax ftuħ ta’ ambaxxata hu statement b’saħħtu ħafna mhux biss politiku, mhux biss diplomatiku imma wkoll kummerċjali”

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija-Ġappuniża, Anthony Micallef qal li fl-aħħar xhur innota żieda sostanzjali fl-interess ta’ imprendituri Ġappuniżi f’Malta u l-preżenza diplomatika permanenti għandha tgħin.

“Irridu naħdmu kemm aħna u l-ambaxxata għax hemm ħafna u ħafna mid-demand mill-Ġappuniżi biex jiftħu uffiċini hawnhekk, businesses hawnhekk, biex jiftħu bank hawn u dan qed niltaqgħu magħhom regolari.”

Il-Ministru Abela qal li l-Gvern ħa d-deċiżjoni minħabba l-potenzjal kbir li jeżisti biex il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi jiżdied speċjalment issa li daħal fis-seħħ il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għat-tneħħija tat-tariffi.