Trasport
Il-gvern iħabbar li se jintroduċi s-servizz ta’ ħelikopter bejn Malta u Għawdex

Il-heliport fix-Xewkija jaf ma jdumx ma’ jerġa’ jibda jintuża b’mod regolari, kif sar f’perjodi differenti fl-imgħoddi. L-aħħar servizz bi skeda ta’ ħelikopter bejn Malta u Għawdex waqaf tnax-il sena ilu meta kumpanija Spanjola għamlet biss sena u nofs tħaddem is-servizz.

Il-gvern ħabbar li qed jaħdem biex jintroduċi s-servizz bl-ajru bejn il-gżejjer. Dan bħala parti mill-isforzi biex titjieb il-konnettività bejn Malta u Għawdex.

Fi żjara fil-heliport, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, spjega li qed jiġi studjat mudell ġdid għal servizz li jgħaqqad lil Malta u Għawdex u jopera direttament mill-ajruport. Qal li qed isir studju dwar il-vijabbiltà, ibbażat fuq diversi xenarji u mudelli differenti. Fl-istess waqt, il-kumpanija tal-Gvern Malta Medair, tinsab f’kuntatt ma’ kumpanija ewlenija fil-qasam tal-avjazzjoni.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi qal “bħalissa għaddejjin l-istudji kollha biex il-kumpanija Malta Medair tifforma sussidarja ġdida biex dan is-servizz ikun operat. Qed nitkellmu mal-Airbus Helicopters dwar użu ta’ mudell tal-Airbus għal dan is-servizz u qed niddiskutu żewġ mudelli differenti wieħed żgħir u wieħed ferm ikbar, qed nagħmlu wkoll studju ekonomiku flimkien mal-ekonomista Gordon Cordina u qed neżaminaw il-legal framework. Ladarba dawn jitlestew, aħna b’pass mgħaġġel aħna nintroduċu dan is-servizz li l-ewwel jibda bħala basic service mbagħad jikber skont id-domanda li jkun hemm.”

Għaċ-Chairman tal-kumpanija Malta Medair, Paul Bugeja, l-istudji u l-ħidma li qed issir għandhom l-għan li s-servizz ikun sostenibbli fit-tul.

“Wieħed irid jieħu l-kunsiderazzjonijiet kollha u dak li qegħdin nagħmlu kemm il-bżonn tat-turist, kemm il-bżonn tal-Maltin u kemm il-bżonn b’mod partikolari tal-Għawdxin. Għalhekk huwa proġett interessanti, għaddejjin l-istudji li qed nantiċipaw li għall-bidu tas-sajf li ġej inkunu wasalna sabiex nippubblikawhom kollha u nkunu nistgħu fil-proċess nikkonsultaw mal-istake holders involuti.”

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, spjegat li s-servizz tal-ħelikopter huwa komponent ewlieni biex Għawdex ikompli jagħmel suċċess fil-qasam turistiku u jattira turisti ta’ kwalità. Il-Ministru qalet li l-pjan tal-gvern hu li jtejjeb il-konnetività ta’ Għawdex kemm permezz tal-mina, bil-baħar u anke bis-servizz tal-helicopter li jkun ekonomikament vijabli u li jopera bi skeda.