Ambjent
Il-Gvern iniedi konsultazzjoni pubblika dwar strateġija għal inqas tniġġiż mill-bini

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius ħarġu għall-konsultazzjoni pubblika l-Long Term Renovation Strategy (LTRS).

Din hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin ta’ Malta għal użu aktar effiċjenti tal-enerġija fil-bini bil-għan li nimxu lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini.

Il-Ministru Farrugia ħabbar li l-Gvern għandu l-għan li jinvesti miljuni ta’ ewro fl-10 snin li ġejjin kemm f’forma ta’ skemi u kif ukoll f’investiment dirett fir-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku tiegħu biex sal-2050 inaqqas il-konsum f’bini residenzjali b’40% u f’dawk mhux residenzjali b’36%.

Dan għandu l-għan ukoll li jikseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju mill-bini biex jimxi lejn in-newtralità tal-karbonju.

L-iskemi jinkludu pakketti ta’ effiċjenza enerġetika kemm għal abitazzjonijiet kif ukoll għall-industrija, skema ta’ rinnovazzjoni estensiva u inċentivi biex jippromwovu l-ġenerazzjoni tal-enerġija fil-bini.

Azzjonijiet proposti jinkludu wkoll kampanji ta’ informazzjoni, skemi għal konsulenza dwar l-enerġija għal organizzazzjonijiet volontarji, skemi għal servizzi domestiċi ta’ konsulenza dwar l-enerġija u implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ mmaniġġjar tal-enerġija f’bini pubbliku.