Vjolenza domestika
Il-Gvern iwaqqaf aġenzija li tgħin vittmi ta’ kriminalità

Il-Gvern għadu kemm waqqaf aġenzija ġdida biex tagħti appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità u lil qrabathom.

Kien il-Ministru għall-Intern, Sigurà Nazzjonali u Nfurzar tal-Liġi Byron Camilleri li ħabbar dan fejn spjega kif fl-aħħar erba’ snin it-taqsima ta’ appoġġ għall-vittmi fil-Korp tal-Pulizija għen aktar minn 2,000 vittma tal-kriminalità.

Huwa qal li dan l-uffiċċju se jkun qed jopera b’għadd ta’ professjonisti fosthom dawk li jaħdmu fil-qasam psiko-soċjali u professjonisti legali li se jkunu wkoll qed jassistu lill-vittmi anke jitilgħu wkoll fil-Qorti jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Il-Ministru Camilleri qal li l-vittmi mhux biss se jkunu qed jagħtu pariri legali lill-vittmi iżda wkoll informazzjoni lilhom dwar x’ġara’ mill-aggressur tagħhom, bħal jekk intbagħatx il-ħabs, u dan biex il-vittma tkun ippreparata.

L-uffiċċju se jkun il-Belt u minbarra lill-vittmi tal-kriminalità se jkun qed jagħti wkoll appoġġ lill-qraba tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Brian Farrugia irrefera għal studji Ewropej li saru bejn l-2019 u l-2020 fejn irriżulta li wieħed minn kull erba’ ċittadini għamlu rapport dwar fastidju u qalu li jibżgħu jesponu dak li jgħaddu minnhom minħabba biża’ ta’ intimidazzjoni.

Farrugia qal li s-servizz huwa bla ħlas u wiegħed kenn, protezzjoni u gwida għal ħajja iktar indipendenti u b’saħħitha.

Min irid jikkuntattja lill-aġenzija jista’ jagħmel dan fuq l-email [email protected] jew billi jċempel fuq 2568 9700.