Kronaka
AĠĠORNAT (2): Il-PM lest jiltaqa’ mal-familja Caruana Galizia dwar l-inkjesta pubblika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li lest jiltaqa’ mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia dwar l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista. Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li diġa hemm kuntatt mal-familja biex issir il-laqgħa. Dan wara li b’reazzjoni għall-aħbar li l-Gvern ħatar inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista, il-familja talbet li tiltaqa’ mal-Prim Ministru dwar il-membri tal-bord.

Il-familja Caruana Galizia qalet fi stqarrija li fid-dawl tal-gravità tal-każ u l-mandat tal-inkjesta li tinvestiga istituzzjonijiet tal-istat, il-ġustizzja titlob li l-membri kollha tal-bord ma jkollhom l-ebda rabta finanzjarja jew politika mal-amministrazzjoni preżenti. Qalu li jekk il-pubbliku ikollu raġuni jiddubita mill-indipendenza u l-imparzjalità ta’ xi ħadd mill-membri tal-bord, ħidmietu tispiċċa irrilevanti. Huwa f’dan l-isfond li talbu laqgħa mal-Prim Ministru.

Il-ħatra ta’ inkjesta pubblika ntlaqa’ mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Marija Pejcinovic Buric. Hi rrikonoxxiet li l-Gvern Malti segwa r-rakkomdazzjoni li taw f’Ġunju li għadda u nieda inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fi żmien 3 xhur. Qalet li l-Kunsill tal-Ewropa se jkun qed isegwi ħidmet il-kummissjoni mill-qrib.

L-għaqda Repubblika qajmet diversi oġġezzjonijiet dwar il-membri tal-bord tal-inkjesta li ġie appuntat, fosthom minħabba kunflitt li jista’ jkollhom jew għaliex kienu parti mill-investigazzjoni dwar l-istess qtil. Ikkritikat ukoll il-fatt li l-Gvern ma kkonsultax mal-familja qabel ħabbar il-ħatra tal-bord tal-inkjesta.

Il-gvern wieġeb li l-kritika fuq it-tliet membri tal-bord tal-inkjesta mhix ġustifikata. Żied li ma tqajmet ebda kritika dwar l-għanijiet li għandha tilħaq l-inkjesta.

Dwar l-inkjesta pubblika kkummenta wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li qal li fil-jiem li ġejjin se jlaqqa’ l-grupp parlamentari biex jiddiskuti t-twaqqif tal-inkjesta.

Ara wkoll:

Il-Kap tal-PN jitlob lill-PM biex jiltaqa’ mal-familja Caruana Galizia

Aħbarijiet Oħra
Settur Marittimu

Il-kumpanija Valletta Cruise Port li tmexxi t-terminal tal-passiġġieri tal-cruise-liners u faċilitajiet oħra fil-Port il-Kbir qed tieħu miżuri favur l-ambjent biex tikseb ċertifikazzjoni ta’ port ekoloġiku. Intervistat minn TVM, il-Kap Eżekuttiv…

Knisja Maltija

L-Arċisqof Charles J. Scicluna appella għar-rispett lejn id-dinjità tal-mara waqt quddiesa li fiha talab biex terġa’ tinfetaħ il-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Adelaide Cini, li qal l-eżempju ta’ ħajjitha u l-ħidma li…

Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet ir-rikors tal-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona biex ma jixhdux f’kawża kostituzzjonali iżda fi żmien jumejn iridu jippreżentaw s-silta minn fejn ikkwotaw ir-rapport tal-inkjesta Egrant…

Budget

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li l-Budget ippreżentat ilbieraħ u r-reazzjoni ġenerali għalih huma turija li l-Gvern hu konxju tal-isfidi, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tan-nies. F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-Budget, il-Ministru Scicluna…

Aktar