Politika
Il-Gvern jestendi l-għajnuna lill-għaqdiet volontarji b’€1.1 miljun

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li l-Gvern qed jestendi b’€1.1 miljun, l-għajnuna li kien ta lill-għaqdiet volonatarji minħabba l-Covid. Qal li b’hekk minn Ġunju li ghadda ‘l hawn, il-Gvern se jkun ipprovda lill-għaqdiet volontarji s-somma totali ta’ €4.1 miljun.

Il-Ministru Caruana qal li permezz tal-pjan ta’ rigenerazzjoni ekonomiku, f’Ġunju li ghadda 140 għaqda volontarja bbenefikaw minn €3 miljun u ġew salvati 937 impieg.

Skont il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, fis-settur tal-volontarjat hemm jaħdmu 5,500 ħaddiem bejn full time u part time. Qal li minħabba l-pandemija, kien hemm bosta għaqdiet volontarji li kienu se jwaqqfu s-servizzi tagħhom, l-aktar dawk lill-vulnerabbli fil-qasam soċjali, għaliex il-pandemija tat daqqa ta’ ħarta lil kull settur.

Wara li l-Gvern f’Ġunju li għadda qassam €3 miljuni lil 140 għaqda volontarja biex itihom sostenn u jżommu l-impjiegi, il-Gvern permezz tal-Kunsill Malti għall-volontarjat, fetaħ skema oħra ta’ €1.1 miljun.

Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li l-Gvern irrikonoxxa l-importanza tal-għaqdiet volontarji, għaliex permezz tagħhom jiġu mgħejjuna għadd ta’ nies vulnerabbli li jammontaw għal eluf. Il-Ministru Caruana qal li fil-baġit li jmiss il-Gvern se jkompli jżid din l-għajnuna.

“Dan l-impenn inkompluh matul is-sena li ġejja, bla dubju l-Gvern jibqa’ bil-bieb miftuħ għal dawn l-għaqdiet għax l-għajnuna tagħhom hi imprezzabbli.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-fondazzjoni St Jeanne Antide, Nora Macelli qalet li s-sena li għaddiet permezz tal-iskema fejn ingħataw għajnuna ta’ €24,000, ġew salvati ħames impjiegi ta’ professjonisti li jaħdmu mal-fondazzjoni. Il-Fondazzjoni St Jeanne Antide tgħin ħafna familji vulnerabbli, fosthom dawk li jaslu fi stat ta’ faqar, u li minħabba l-pandemija, kien qed ikollha diffikultajiet kbar biex tkompli.

“Bdejna naraw familji jixkanaw l’isfel fil-faqar u diffikultajiet, kieku ma stajniex nkomplu għaddejjin, kieku konna nkunu telliefa, u l-familji kollha li konna nabbandunaw, imma ma abbundajna lil ħadd,” qalet Macelli.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, u Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima, qal li l-Gvern se jkompli jisma’ lill-għaqdiet volontarji u jkun ta’ spalla għalihom, għax b’hekk se jservi lil tant eluf ta’ nies li jiġu bżonn is-servizzi.

“Għamilna numru ta’ fondi speċifiċi lejn l-emerġenzi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom, health and safety u kura medika, u rajna numru ta’ għaqdiet li jimpjegaw il-professjonisti.”

L-għaqdiet volontarji li jridu japplikaw għall-iskema l-ġdida permezz tas-sit uffiċjali tal-kunsill, maltacvs.org.