Lokali
Il-Gvern jgħid li jinsab determinat li jieħu azzjoni kontra attivitajiet relatati ma’ ħasil ta’ flus

F’rapport ta’ aktar minn mitejn paġna, il-kumitat ta’ esperti tal-Kunsill tal-Ewropa li jevalwa l-effettività tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu magħruf bħala MONEYVAL qal li waqt li jirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet Maltin biex jiġu identifikati l-vulnerabilitajiet tas-sistema, għad hemm fatturi importanti speċjalment fil-prevenzjoni tar-reati, l-iżvilupp tat-teknoloġiji ġodda u l-użu tal-flus kontanti li għad mhux jiġi analizzati jew miftehma bizzejjed.

MONEYVAL qal li waqt li l-FIAU hu kkunsidrat bħala sors importanti ta’ intelliġenza finanzjarja għall-Pulizija, huwa biss f’każijiet limitatji li xogħol l-FIAU jwassal biex ikun hemm proċeduri kriminali relatati mal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Ir-rapport jirreferi għar-riżorsi umani u finanzjarji limitati li fi kliem il-kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa qed jaffettwaw lil Malta b’mod negattiv fil-mira biex tinstab offiża kontra xi ħadd.

Ir-rapport jesprimi tħassib fuq ix-xogħol tal-awtoritajiet li huma responsabbli mill-infurzar li MONEYVAL jgħid li m’humix f’pożizzjoni biex b’mod effettiv u fl-iqsar żmien jinvestigaw każijiet kumplessi ta’ ħasil ta’ flus relatati mal-finanzi, it-tixħim jew il-korruzzjoni. Jintqal li jeħtieġ titjib fir-rigward tal-konfiska tal-assi u l-finanzi li jkunu ġejjin minn reati ta’ ħasil tal-flus jew reati assoċjati.

Ir-rapport jinnota li waqt li Malta għandha qafas legali b’saħħtu biex tiġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu, ġie nnutat li sa issa saru ftit investigazzjonijiet li rriżultaw f’arresti jew persuni li nstabu ħatja. MONEVAY osserva li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni m’għandhomx ir-riżorsi adekwati biex jagħmlu superviżjoni bbażata fuq ir-riskji, għad-daqs, il-kumplessità u l-profil tar-riskju tas-settur privat f’Malta. Intqal li l-pieni għal min ma jkunx konformi mal-ħtiġijiet tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu m’humix ikkunsidrati effettivi u proporzjonati.

MONEYVAL għamel bosta rakkomandazzjoni lill-Gvern Malti u waqt li se jkompli jsegwi l-proċeduri, stieden lil Malta biex terġa’ tirrapporta f’Diċembru tal-2021.

Fi stqarrija konġunta bejn il-Ministeri għall-Finanzi, l-Intern u l-Ġustizzja kif ukoll is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, il-Gvern qal li jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet li saru u tenna l-impenn li jimplimentahom bl-għajnuna tal-kumitat ta’ kordinament nazzjonali li twaqqaf f’April tas-sena li għaddiet biex jimplimenta l-istrateġija nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Intqal li l-kumitat flimkien ma’ għoxrin istituzzjoni kompetenti Maltin se jfasslu pjan ta’ azzjoni mifrux fuq sena biex jimplimentaw it-tmienja u ħamsin rakkomandazzjoni tal-MONEYVAL.

Il-Gvern qal li kull rakkomandazzjoni se tiġi fdata lil istituzzjoni kompetenti li f’perjodu stabbilit trid tara li timplimenta l-pjan ta’ azzjoni propost bl-għajnuna tar-riżorsi meħtieġa.

Fi stqarrija oħra, l-Oppożizzjoni qalet li waqt li fil-jiem li ġejjin se tagħti reazzjoni dettaljata, tixtieq tirrimarka b’mod immedjat li l-Gvern, bil-mod kif dgħajjef l-istituzzjonijiet, poġġa f’riskju serju s-settur tas-servizzi finanzjarji li jimpjega eluf ta’ professjonisti u żgħażagħ. Il-kelliema Nazzjonalisti Mario De Marco u Kristy Debono qalu li l-Gvern kien avżat minn qabel li kienu ġejjien esperti biex iħejju dan ir-rapport iżda għamel ftit li xejn biex jindirizza l-problemi serji li kien u għad hawn fl-infurzar tal-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus u biex jintemmu l-investigazzjonijiet dwar każijiet importanti. L-Oppożizzjoni sejħet lill-Gvern jassenja kull riżorsa li hemm bżonn biex dawn il-każijiet jiġu investigati b’mod effettiv fl-iqsar żmien possibbli.

Intant, il-Partit Laburista qal li l-gvern qed jieħu bl-ikbar serjetà l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus għaliex qed jimplimenta numru kbir ta’ riformi. Fi stqarrija intqal li l-Gvern mhux jistenna lill-Partit Nazzjonalista jgħidlu x’għandu jagħmel għaliex il-Kap tiegħu stess mhux kredibbli dwar is-suġġett, meta hemm allegazzjonijiet dwaru li ma weġibx dwarhom. Il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista ma qal xejn meta ftit tal-jiem ilu l-Istitut għall-Governanza f’Bażel iddikjara li Malta hija ġurisdizzjoni b’riskju baxx.

Aħbarijiet Oħra
Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qal li mindu bdiet l-investigazzjoni fis-Sezzjoni tat-Traffiku, 34 uffiċjali jinsabu fuq police bail. Minn dawn, 28 huma sospiżi u qegħdin fuq police bail, 6 rtiraw bil-pensjoni u qegħdin…

Lokali

Il-koppja Marvic u Donovan Scerri qed jippjanaw li jmorru Spanja biex jagħmlu l-proċedura tal-IVF f’dan il-pajjiż li jippermetti li jsir test ġenetiku tal-embrijun qabel ikun impjantat fil-ġuf tal-omm biex ikun…

Lokali

Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed tipproponi 20 miżura biex jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-kontrolli fl-industrija tat-tonn kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art. Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed issejjaħ għal miżuri ta’ kontroll…

Saħħa

L-għaqda Dinija tas-saħħa wissiet li l-virus jista’ jasal fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Is-Supretendent tas-saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li waqt li żidedu l-ammont ta’ swabs li ttieħdu fl-aħħar sigħat ta’ nies…

Aktar