Immigrazzjoni
Il-Gvern jgħid li Malta mhux se taċċetta u tiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti

Il-Gvern qal li mhux se jkunu permessi żbarki f’pajjiżna ta’ immigranti rregolari, kemm minn għaqdiet non-governattivi kif ukoll minn kull opra tal-baħar jew bastiment ieħor. Kif lanqas ser jiġu garantiti xi riżorsi għall-fini ta’ assistenza lil immigranti rregolari fuq kwalunkwe’ opra tal-baħar jew bastiment.

Dan wara li fl-aħħar sigħat il-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed isegwu dgħajsa b’immigranti rregolari fuqha, li kienet fiż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ Maltija. Din id-dgħajsa kienet ilha tiġi segwita għal diversi sigħat. Dawn l-immigranti se jkollhom jiddaħħlu pajjiżna fis-sigħat li ġejjin, u ser  jinżammu f’detenzjoni.

Fi stqarrija ngħad li fid-dawl ta’ dan, il-Kabinett tal-Ministri qies is-sitwazzjoni serja li jinsab għaddej minnha l-pajjiż bħalissa, fid-dawl tal-pressjoni li qed toħloq l-imxija tal-virus COVID-19, u kunsiderazzjonijiet oħra. Intqal li fl-isfond tal-isfidi straordinarji, f’mument fejn il-pajjiż iddikjara Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika, il-Gvern Malti kkomunika li ma jinsabx f’pożizzjoni li jiggarantixxi r-riżorsi għas-salvataġġ lil immigranti rregolari tal-massa, li jkunu abbord kwalunkwe opra tal-baħar u bastimenti.

Ġie spjegat li dan qed jiġi kkomunikat fost oħrajn sabiex immigranti li għandhom intenzjoni jivvjaġġaw lejn Malta jkunu konxji tar-riskji li qegħdin ipoġġu ħajjithom fihom. Intqal li huwa għalhekk fl-interess u fir-responsabbilità ta’ dawn il-persuni li ma jipperikolawx ħajjithom bi vjaġġi riskjużi u billi jersqu lejn pajjiż li mhux f’qagħda li joffrilhom post sikur.

Ġie spjegat li ġaladarba s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ddikjarat emerġenza għas-saħħa pubblika, il-Gvern iddeċieda li aktar żbarki ta’ immigranti rregolari f’pajjiżna, li jistgħu jkunu wkoll infettati bil-virus, jippreġudikaw serjament il-ħidma kollha li qed issir kontra l-imxija ta’ dan il-virus, filwaqt li l-awtoritajiet Maltin m’humiex f’pożizzjoni li joffru post sikur lil dawn l-immigranti, f’perjodu ta’ sfida kbira speċjalment fil-qasam tas-saħħa, l-infurzar tal-liġi u ċ-ċentri tal-immigranti.

Kompla jingħad li s-sitwazzjoni llum il-ġurnata titlob li r-riżorsi lokali kollha inkluz il-Forzi Armati jibqgħu l-ħin kollu ffukati fil-ġlieda kontra din l-imxija tal-virus.

Intqal li Malta mhix f’pożizzjoni li toffri post sikur għall-iżbark ta’ immigranti mingħajr ma tikkomprometti u tippreġudika l-funzjonalità, l-infrastruttura loġistika u strutturi ta’ sigurtà, kif ukoll l-isforzi kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa u awtoritajiet oħra involuti biex jegħlbu l-firxa tal-COVID-19 u jikkuraw lil dawk milquta minnha.

Aħbarijiet Oħra
Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Edukazzjoni

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li fl-operat mill-ġdid taċ-child care centres se jinstab bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa tat-tfal u l-operat ta’ dawn iċ-ċentri. Dr Bonnici qal li lest jikkunsidra ideat…

Aktar