Parlament
Il-Gvern jgħid li neħħa l-mannara fuq xi każini tal-baned

Il-Gvern daħħal fis-seħħ l-emendi fil-Kodiċi Ċivili bl-għan li tingħata għajnuna u protezzjoni lil soċjetajiet mużikali li jinsabu bil-mannara fuq rashom u b’riskju ta’ żgumbrament mis-sede rispettiva tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, intqal li fid-dawl ta’ diversi kawżi ġudizzjarji fil-konfront ta’ każini tal-baned, il-Gvern mexa spalla ma’ spalla mal-istess baned biex dawn ma jikkrollawx u jkomplu jiffjorixxu fis-soċjetà lokali. Intqal ukoll li dan l-intervent kien ippjanat metikolożimament b’mod li jirrispetta d-drittijet tal-partijiet kollha kkonċernati.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici qal li permezz ta’ dawn l-emendi fil-liġi, il-Gvern qed jipprova joħloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini, f’dan il-każ il-baned u s-sidien.

Ġie spjegat li każini tal-baned li jkunu ilhom jeżistu għal mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet jingħataw protezzjoni f’każ li jispiċċaw mingħajr titolu suġġett għall-kundizzjoni li l-ammont tal-kera in kwistjoni togħla b’mod raġonevoli. Barra minn hekk, is-sid se jgawdi wkoll mid-dritt li jikkontesta l-kundizzjonijiet tal-kera quddiem il-Bord li jirregola l-Kera, liema bord qiegħed jingħata d-dritt li jirrimedja kull sitwazzjoni ta’ sproporzjonalità manifesta wara li jkun ħa kunsiderazzjoni tal-funzjonijiet soċjali u kulturali tal-każin.

F’April li għadda l-Qorti tal-Appell ordnat lis-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid biex sa mhux aktar tard minn Settembru li ġej tiżgombra mill-post. Dan wara li s-soċjetà tilfet il-kawża minħabba xogħlijiet strutturali li saru fil-każin f’nofs is-snin disgħin. Il-Qorti qalet li dawn saru mingħajr il-kunsens tas-sidien li fl-1997 fetħu kawża għax argumentaw li fil-kuntratt tal-kera li sar fl-1984 sar bil-kundizzjoni fost oħrajn li l-inkwilini ma jistgħux jagħmlu l-alterazzjonijiet strutturali ħlief tiswijiet speċifiċi msemmija fil-kuntratt.

Sadanitant is-sidien, permezz tal-avukat tagħhom qed jieħdu qatta bla ħabel il-miżura leġislattiva li qed tkun proposta biex is-soċjetà mużikali ma titlifx l-użu tal-każin minħabba il-funzjoni soċjali tas-soċjetà. F’ittra dettaljata lill-midja, is-sidien kienu sostnew li azzjoni retroattiva bħal din hija legalment, politikament u moralment żbaljata. Huma kienu ħeġġew lill-Membri Parlamentari biex ma japprovax dawn l-emendi li fil-fehma tagħhom imorru kontra l-prinċipju tas-saltna tad-dritt. Ħeġġew ukoll  lill-President biex jekk l-emendi jiġu approvati mill-Parlament, bħala gwardjan tal-prinċipji kostituzzjoni ma tiffirmax il-liġi proposta. Kienu wissew li jekk dan ma jsirx, huma ser ifittxu rimedji oħra legali biex jiddefendu d-dritt kostituzzjonali tagħhom.

 

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Il-banda De Paule f’Raħal Ġdid tispiċċa bla każin

Is-sidien tal-każin tal-banda De Paul jopponu emendi fil-liġi biex ma titwettaqx is-sentenza tal-Qorti

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Palumbo Malta Superyachts investiet €2.5 miljun f’lift tad-dgħajjes ta’ 420 tunnellata li se jattira aktar negozju lill-gżira minn superyacths li jkunu qed ifittxu tiswija u ffittjar mill-ġdid fix-xhur tax-xitwa. Fi…

Lokali

Il-gazzetta The Sunday Times of Malta qed tirrapporta li ġie identifikat grupp ta’ żewġ Maltin jew aktar bħala suspettati li kienu l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. The Sunday…

Aktar