Kronaka
AĠĠORNAT: Il-Gvern jgħid li protesta paċifika f’Ħal Safi lbieraħ saret aggressiva

Il-protesti li TVM irrapporta dwarhom ilbieraħ fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tal-immigranti f’Ħal Safi, issukktaw mal-lejl.

Filgħaxija, crew ta’ Television Malta ma tħalliex javviċina ċ-ċentru, b’dettalji dwar dak li kien għaddej ingħataw fi stqarrija mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Fl-istqarrija ntqal li filwaqt li l-maġġoranza tal-immigranti obdew l-ordnijiet, grupp ta’ immigranti saru aggressivi. Intqal li s-sitwazzjoni ġiet kontrollata b’intervent tal-forzi tas-sigurtà, b’mod speċjali s-Servizz ta’ Detenzjoni u l-Pulizija bl-assistenza tal-Armata.

Il-Ministeru tal-Intern qal li l-Pulizija qed tagħmel investigazzjonijiet b’rabta mal-protesta u radd ħajr lill-uffiċjali li taw sehemhom u lir-rappreżentant tal-Kummissarju tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati. Il-Ministeru qal li fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi hemm l-immigranti li qed jistennew li jiġu rilokati fil-pajjiżi li qablu li jiħduhom.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija mid-deputati Beppe Fenech Adami u Carmelo Mifsud Bonnic, esprima tħassib dwar dak li ġara, u rrimarka li l-Gvern qed iżomm sieket fuq x’seħħ eżatt fis-sigħat li għaddew. Il-Partit Nazzjonalista qal li minflok jaħbi l-pożizzjoni ħażina li nħolqot, il-Gvern għandu jitkellem bi trasparenza dwarha u jara li t-tensjoni tiġi riżolta għall-ġid ta’ kulħadd malajr kemm jista’ jkun.

Il-Moviment Patrijiotti Maltin qal li hu ta’ diżappunt li s’issa ħadd ma tressaq il-qorti u li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Brigadier tal-Armata ma ħadux deċiżjoni ta’ azzjoni. Skont il-moviment l-ordni treġġgħet lura minn uffiċjali tas-Servizz ta’ Detenzjoni.

Ara wkoll:

“M’aħniex kriminali. Irridu l-libertà” – Protesta mill-immigranti f’Ħal Safi

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

F’rapport li jsir kull ħames snin dwar l-istat tal-ambjent fil-pajjizi Ewropej jghid li jeħtieġ soluzzjonijiet fundamentali fl-għaxar snin li ġejjin biex jiġi evitat tibdil fil-klima li iwassal għall-temperaturi għoljin estremi….

Kisbiet

L-atti notarili tan-nutar Paolo Bonello li għex fis-seklu ħmistax, servew ta’ punt ta’ tluq għal sistema bbażata fuq intelliġenza artifiċjali msejħa Notary Pedia. L-istudenta tal-Masters fl-intelliġenza artifiċjali fl-Università ta’ Malta…

Annimali

Jingħad li l-kelb huwa l-aqwa ħabib li l-bniedem jista’ jkollu iżda għal persuni neqsin mid-dawl, bil-kundizzjoni tal-awtiżmu jew diabete kelb jaf ikun bastun tad-demm u l-laħam. Aktar kmieni din il-ġimgħa…

Lokali

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna t-theddid li sar fuq ġurnalista aktar kmieni llum. Fi stqarrija l-IĠM qal li ġie infurmat li ġurnalista għamlet rapport lill-Pulizija wara li rċeviet ittra ta’…

Aktar