Politika
Il-Gvern jgħid li wasal biex iwettaq tliet kwarti tal-manifest elettorali

Fl-ewwel tliet snin ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern qal li tlieta minn kull erba’ proposti fil-manifest elettorali twettqu jew jinsabu fi stadju avvanzat ta’ twettiq.

Il-Ministru Carmelo Abela ta rendikont ta’ wħud mill-proposti ewlenin li ġew implimentati, fosthom it-tnaqqis fit-taxxa u ż-żieda fil-pensjonijiet, it-titjib fin-network tat-toroq ewlenin u d-dħul tal-liġijiet ġodda relatati mal-kirjiet, il-kremazzjoni u l-VOT16 fost l-oħrajn.

Tliet snin eżatt mill-elezzjoni ġenerali tal-2017 li ntrebħet mill-Partit Laburista b’manifest elettorali ta’ aktar minn 700 proposta, il-Ministru Carmelo Abela qal li kważi nofs il-proposti twettqu kompletament, kwart minnhom jinsabu fi stadju avvanzat ħafna ta’ twettiq u l-kwart l-ieħor bdew jiġu implimentati.

“Wettaqna 76% tal-proposti elettorali li għandna, għandek uħud li twettqu mija fil-mija u oħrajn li jinsabu fi stat avvanzat ħafna,” qal il-Ministru Abela.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Abela qal li xhieda tat-twettiq tal-proposti mhix biss fuq il-karta iżda tinħass f’kull qasam, miż-żieda fil-pensjonijiet lill-anzjani, it-trasport bla ħlas għall-iskola, it-titjib fit-toroq u l-infrastruttura b’investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin, żieda fil-mediċini b’xejn u l-liġi li tirregola l-kirjiet.

Il-Ministru qal fl-aħħar erba’ xhur u nofs kemm ilu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-manifest elettorali sar titjib ta’ tmienja fil-mija.

“Il-prijorità tagħna hija li l-programm elettorali jitwettaq u allura naraw fejn wasalna f’kull proposta u jekk ma wasalniex biex din titwettaq naraw x’inhuma d-diffikultajiet biex finalment titwettaq mija fil-mija,” qal il-Ministru Abela.

Il-Ministru Abela qal li l-Gvern jinsab impenjat li jwettaq aktar bidliet, fosthom bit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u t-trasparenza, it-tkomplija tax-xogħol relatat mal-mina bejn Malta u Għawdex u t-tlestija ta’ 1,700 appartament għall-akkomodazzjoni soċjali.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Maħżen tal-festa nbidel fi klassi fi proġett biex il-prattika ta’ snajja tradizzjonali li jispikkaw fil-festi Maltin tintiret u ma tmutx. Il-proġett tmexxa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, li…

Infrastruttura

Inkonvenjent li ilu snin jurta lill-Birżebbuġin se jiġi indirizzat bi proġett li Infrastructure Malta qalet se tibda fi tmiem dan is-sajf. Il-proġett hu maħsub li jtaffi l-problema tal-għargħar, ikkawżata mill-baħar…

Lokali

Mil-lejla bdew jiġu organizzati l-pellegrinaġġi fl-okkażjoni tal-festi tal-ibliet u l-irħula li se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru meta tiġi ċċelebrata l-Kunċizzjoni f’Bormla. Illejla, tliet lokalitajiet qed jorganizzaw dawn il-pellegrinaġġi: Ħal…

Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Aktar