Avjazzjoni
AĠĠORNAT: Il-Gvern jibgħat titjira tal-Air Malta għal tfal Maltin maqbuda d-Danimarka

L-Air Malta llejla se topera titjira speċjali, fuq struzzjonijiet tal-Ministru Konrad Mizzi, biex iġġib lura Malta grupp ta’ 142 passiġġier, il-maġġoranza tagħhom tfal li kkompetew f’tournament tal-futbol fid-Danimarka. Huma tħallew l-art minn operatur privat li ma onorax l-obbligu li jopera t-titjira biex iġibhom lura.

Mistennija jaslu Malta kmieni t-Tlieta filgħodu grupp ta’ Maltin, fil-maġġoranza tfal mill-klabb tal-futbol tas-Sirens u ħames timijiet oħra li kkompetew f’tournament tal-futbol taħt l-isem ta’ Pro Touch Academy Malta. Huma se jaslu tnax-il siegħa wara l-ħin skedat għat-titjira ta’ ritorn mid-Danimarka, li tħassret mill-operatur privat li kellu jwassalhom lura Malta.

Il-Maltin se jinġiebu b’titjira speċjali tal-Air Malta li se ssir fuq struzzjonijiet tal-Ministru Konrad Mizzi, minkejja li l-Air Malta ma kellha xejn x’taqsam mat-titjira mikrija biex iġġibhom lura.

Il-grupp tela’ d-Danimarka bħal-lum ġimgħa biex jipparteċipa f’tournament tal-futbol. Sorsi qalu lil Television Malta li kumpanija privata Flight Support Services ta’ Joffrey Mallia li jaħdem fid-dipartament tal-operations tal-Air Malta, li għamlet din it-titjira charter permezz tal-operatur VLM. Qalu li meta marru d-Danimarka ġimgħa ilu, telqu minn Malta fis-sebgħa ta’ filgħaxija minflok fl-10 ta’ filgħodu, bil-konsegwenza li tilfu ċ-ċerimonja tal-ftuħ tat-tournament. Fit-tournament ħadu sehem ‘il fuq minn 160 tim minn madwar id-dinja.

Is-sorsi qalu li l-Ħadd filgħodu, il-kumpanija infurmathom li l-VLM ħassret it-titjira minn Aalborg, id-Danimarka, għal Malta u ma offriet l-ebda alternattiva. L-Air Malta qalet li daħlet għal dan l-impenn minkejja sfidi operazzjonali tal-iskeda tas-Sajf li hi impenjattiva ħafna. Żiedet tgħid li hi ma kellha x’taqsam xejn mat-titjira mikrija u qalet li issospendent lil Joffrey Mallia mill-impjieg tiegħu fl-Air Malta.

Sadanittant, s’issa mhux magħruf jekk il-kumpanija privata li kienet involuta f’dal-każ hix ser tonora kuntratt ieħor għal grupp ta’ 280 oħra mill-klabbs tal-Pietà u l-Ħamrun li ġimgħa oħra mistennija jitilgħu d-Danimarka wkoll.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Omm Maltija ta’ żewġt itfal żgħar ilha sitt ġimgħat ma tara lil uliedha, u tisħaq li ma tafx x’sar minnhom. L-omm, li isimha mhux qed jixxandar fl-interess tat-tfal, ix-xahar li…

Kultura

Aktar minn 100 kwadru ta’ arti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tneħħew minn posthom minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. F’kummenti lil TVM, il-Kuratur tal-MUŻA, Kenneth Cassar, spjega li l-opri tal-arti tneħħew minn…

Qorti

Raġel ta’ 31 sena li joqgħod Birżebbuġa wkoll ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ elf ewro u garanzija ta’ għaxart elef ewro wara li tressaq il-Qorti mixli li attakka, insulta, hedded…

Qorti

Raġel ta’ 26 sena mix-Xewkija li jaħdem fil-kafeterija tal-vapuri tal-Gozo Channel wieġeb mhux ħati li seraq €1,500 mill-basket ta’ mara li ħallietu warajha fuq mejda. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni ppreżentat filmati tas-CCTV…

Aktar