Il-Gvern jibqa’ ffukat fuq il-futur tal-pajjiż – il-PM

Il-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-Gvern jibqa’ iffukat fuq il-pajjiż u li dan ikun ippreparat għall- futur fosthom fil-qasam tas-saħħa. Dr Muscat qal li dan ser isir fil-kuntest tal-budget li ġej. Fuq lat politiku, qal li hawn min jogħrok idejh meta ssir ħsara lil Malta bl-ispekulazzjonijiet u zekzik u bit-tixrid ta’ aħbarijiet foloz.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hawn min għandu interess li jxerred affarijiet foloz u staqsa jekk hux jagħmel hekk biex iħammeġ lill-pajjiż, biex ifixkel il-Maġistrat u lill-pulizija u biex jipprova jippreġudika l-inkjesta. Dr Muscat qal xi mument għad tissemma’ l-bżonn ta’ inkjesta dwar min għandu interess li jxerred affarijiet foloz.

F’attività politika fil-Qala, Dr Muscat irrefera indirettament għar-rapport f’The Malta Independent minn sorsi Maltin u barranin li jiċħad dak li ġie rrappurtat fil-ġurnal ‘La Repubblica’ dwar li l-Ministru Cardona kellu telefonata ma’ negozjant taż-żejt wara li tkellem ma’ Daphne Caruana Galizia u Alfred Degiorgio.

Il-Prim Ministru qal li hawn min qed jipprova jimmina l-istituzzjonijiet u għalkemm qal li jaf ħafna affarijiet u jixtieq iwieġeb ħafna mistoqsijiet iżda ma jridx jippreġudika l-investigazzjoni. Żied jistqarr li huwa kien, għadu u jibqa’ jiddefendi l-istituzzjonijiet dejjem u mhux meta jaqbillu biss. Il-Prim Ministru stqarr li l-attitudni tiegħu fil-Parlament meta tkellem l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kienet żbaljata. Kompla jgħid li Dr Busuttil għandu dritt jemmen li jrid bħal min għadu jemmen li d-dinja hija ċatta. Dr Muscat qal li meta Dr Busuttil jgħid li jemmen li l-Egrant hija tal-Prim Ministru, mhux juri rispett lejn il-ġudikatura, l-istituzzjoni u s-saltna tad-dritt u staqsa jekk hux ser jagħmel l-istess fuq inkjesti oħra li hu stess talab.

Dr Muscat qal li d-dmir jibqa’ lejn l-Istat Malti u għalhekk il-Gvern qed jiftaħ il-bieb għal diskussjoni mal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar titjib ieħor li jista’ jsir biex ikomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet Maltin. Filwaqt li għamel differenza bejn Simon Busuttil u l-grupp ta’ madwaru u oħrajn fil-Partit Nazzjonalista, Dr Muscat insista li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid jiddeċiedi jekk iridx imexxi l-Oppożizzjoni iva jew le.

Dwar it-tħejjijiet għal budget, il-Prim MInistru qal li dan irid ikompli jħejji lil Malta għal futur. Huwa tkellem fit-tul dwar il-pjan tal-Gvern li ġew diskussi fil-Kabinett dil-ġimgha għal qasam tas-saħħa fosthom il-ftuħ ta’ aktar ċentri tas-saħħa u l-avvanzi li saru fil-kura tas-saħħa b’investimenti kbar f’Mater Dei u fl-isptar ta’ Għawdex. Qal li l-Gvern għandu pjani għal sptarijiet ġodda tal-kura tas-saħħa mentali u għall-maternità.