Festi
Il-Gvern jiċċara li mhux se jsiru attivitajiet tal-massa fil-Belt dal-Milied

Il-Gvern iċċara li mhux se jkunu qed isiru attivitajiet tal-massa fil-Belt Valletta għall-Milied, u li kull esebizzjoni li se ssir se tkun qed tirrispetta d-direttivi tas-saħħa pubbliku.

Fi stqarrija b’referenza għal rapporti li saru lbieraħ wara li tħabbar il-programm tal-Milied fil-Belt, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali qalu li tħassru l-avvenimenti maġġuri kollha, inkluż ‘Winter Wonderland’.

Qalu li b’konsultazzjoni mal-kommunità kummerċjali tal-belt kapitali, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se żzejjen biss it-toroq ewlenin, se tinxtegħel is-Siġra tal-Milied, se jintrama l-presepju, kif ukoll se ssir projezzjoni ta’ dwal fuq il-faċċata tal-Palazz tal-President u fi Pjazza San Ġorġ.

Il-ħsieb tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta huwa li, permezz ta’ mużika, korijiet żgħar u arti performattiva, dawk li jagħżlu li jidħlu l-Belt biex jixtru r-rigali jew biex jieklu fir-ristoranti jkunu jistgħu jidħlu fl-ispirtu tal-Milied.

Il-Ministeri qalu li fuq direzzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, dawn l-inizjattivi żgħar u fil-miftuħ se jkunu konformi mad-direttivi u l-protokolli li jkunu fis-seħħ, u kull persuna li tidħol il-Belt trid ukoll tirrispetta l-liġijiet eżistenti, fosthom l-użu obbligatorju tal-maskri u d-distanza soċjali.

Ara wkoll:

Titnieda Christmas in the City – parkeġġ b’xejn għal min jidħol il-Belt fi Black Friday u fi żmien il-Milied