Politika
Il-Gvern jiċħad li Malta tinsab qrib ftehim mal-Istati Uniti fuq il-militar f’pajjiżna

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li ma jeżisti ebda ftehim mal-Istati Uniti magħruf bħala Status of Forces Agreement li jiddetermina kwistjonijiet dwar id-drittijiet u l-privileġġi ta’ uffiċjali Amerikani f’Malta, fosthom membri tal-militar.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li Malta lanqas mhi eqreb għal kif kienet fl-aħħar snin milli tiffirma xi ftehim mal-Istati Uniti u n-NATO. Il-Ministeru qal li kif ġie spjegat diversi drabi m’hemm ebda rabta bejn is-SOFA u l-Moneyval. Dwar il-Moneyval, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li l-Gvern introduċa diversi riformi dwar is-saltna tad-dritt u l-governanza tajba fis-settur finanzjarju li għalihom kellu reazzjonijiet tajba minn istituzzjonijiet indipendenti.

Il-Ministeru rreaġixxa għal rapporti fil-midja li qalu li l-Gvern mistenni jappoġġja ftehim mal-Istati Uniti magħruf bħala Status of Forces Agreement. Għal dawn ir-rapporti kien hemm reazzjonijiet differenti.

Il-PN jisħaq għal trasparenza fi ftehimiet li jħallu impatt kbir fuq is-sovranità

Il-Partit Nazzjonalista lmenta li ma ġiex konsultat mill-gvern dwar il-ftehim. Fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, u l-kelliem għall-affarijiet barranin Carmelo Mifsud Bonnici, qalu li għandu jkun hemm trasparenza sħiħa dwar ftehimiet li jħallu impatt kbir fuq is-sovranità ta’ Malta. Qalu li ftehim ta’ din ix-xorta jħalli riperkussjonijiet fuq il-kostituzzjoni u fir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-kumplament tad-dinja.

L-AD u l-PD: L-Amerikani m’għandhomx jingħataw status speċjali

Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku qalu li l-forzi Amerikani m’għandhomx jingħataw status speċjali u appellaw biex kwalunkwe abbozz ta’ ftehim tax-xorta jiġi pubblikat minnufih. Iż-żewġ partiti qalu li mhux aċċettabbli li jintlaħaq ftejhim mingħajr skrutinju pubbliku.

Il-Moviment Graffitti kkundanna l-ftehim mal-Istati Uniti dwar l-istatus tal-forzi għax qal li dan ifisser umiljazzjoni għal Malta u ksur ċar tal-kostituzzjoni.