Il-Gvern jikkontribwixxi għall-operat tal-għaqdiet mhux governattivi?

Waqt ‘Popolin’ ġew diskussi l-ispejjeż kbar li jiffaċċjaw għaqdiet mhux governattivi bħalma huma Dar Bjorn u Puttinu Cares.

Biex nifhmu aħjar il-pożizzjoni tal-Gvern dwar dawn ir-realtajiet soċjali, tkellimna mal-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.
Il-Ministru spjega li f’dawn l-aħħar seba’ snin sar avvanz kbir f’dawn it-tip ta’ għajnuniet. Fil-fatt fil-bidu kien hemm allokat is-somma ta’ tliet miljun ewro sabiex jintefqu fuq proġetti b’għan nobbli mmexxija minn għaqdiet mhux governattivi.
Illum il-ġurnata grazzi għall-avvanz ekonomiku li kellu pajjiżna din is-somma żdiedet għal tmintax-il miljun ewro. Il-Ministru Falzon spjega li l-Gvern qiegħed jidħol f’social-partnerships ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi. Fil-fatt s’issa diġà sar ’l fuq minn ħamsin ftehim differenti ta’ dan it-tip ma’ ħamsa u tletin għaqda mhux governattiva.

“Il-Gvern qiegħed iżid l-impenn tiegħu. Il-messaġġ għandu jkun biex inkomplu naħdmu id f’id ma’ dawn l-għaqdiet sabiex jintlaħaq kull min hu fil-bżonn” temm jgħid il-Ministru.