Trasport
Liema l-aħjar soluzzjoni għat-traffiku – monorail jew metro?

Il-Gvern beda jikkunsidra proposti ppreżentati fl-aħħar jiem mill-kumpanija internazzjonali Arup li kienet kummissjonata tippreżenta soluzzjonijiet aktar fit-tul fir-rigward tat-traffiku u t-trasport pubbliku. Dan qed isir bil-possibbiltà li fis-snin li ġejjin isir investiment f’sistema tat-trasport tal-massa bħal monorail jew metro.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li bl-għajnuna tal-esperti bħalissa qed jitfasslu s-soluzzjonijiet li eventwalment ikunu ppreżentati lill-pubbliku għall-konsultazzjoni.

Fi żvilupp ieħor, perit u inġinier Malti b’esperjenza fi proġetti strutturali fl-Ingilterra, ħoloq minn jeddu mappa għal sistema ta’ metro li tinkludi linja ta’ 25 kilometru mill-Mellieħa sa Marsaskala.

Bħalissa Infrastructure Malta qed taħdem fuq 10 proġetti ewlenin ta’ twessigħ jew bini mill-ġdid ta’ toroq bil-ħsieb li jtaffu l-konġestjonijiet tat-traffiku f’żoni partikolari bħal Marsa, Santa Venera, iż-Żejtun, Ħaż-Żebbuġ, in-Naxxar u l-Gudja.

Intervistat minn TVM, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, qal li dawn il-proġetti huma maħsuba għal soluzzjonijiet immedjati waqt li proġetti akbar bħal junction tal-Kappara, tal-Marsa, tar-roundabout ta’ Santa Luċija u s-Central Link huma maħsuba għal soluzzjonijiet aktar fit-tul.

Dr Borg spjega li l-pjan tal-Gvern għall-ġejjieni jmur lil hinn minn dan kollu tant li sena u nofs ilu Transport Malta qabbdet kumpanija internazzjonali biex tistudja l-għażliet għal trasport tal-massa.

Il-Ministru Ian Borg qal “dawk l-istudji jinsabu f’livell avvanzat nista’ ngħid li bdew jiġu abbozzati diġà s-soluzzjonijiet u l-Gvern se jkompli jiddiskuti mal-esperti sabiex ikomplu jittejbu l-proposti u eventwalment meta jkun il-waqt ikun hemm il-pubblikazzjoni u diskussjoni pubblika dwarhom”

Dr Borg qal li sa issa l-gvern mhux marbut ma’ għażla partikolari ta’ trasport tal-massa; jekk hux metro jew monorail. Spjega li r-rapporti kkummissjonati għandhom jiggwidaw lill-Gvern f’dan ir-rigward.

TVM fittex il-fehma tal-perit u inġinier strutturali, Dr Konrad Xuereb, dwar proposti li jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata l-isfida tat-trasport. Qal li t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-popolazzjoni u l-vetturi li qed tesperjenza Malta mistennija jkomplu jitfgħu pressjoni fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja, li fil-fehma tiegħu jistgħu jitħarsu b’pontijiet pedonali fosthom minn Tas-Sliema sal-Isla u b’sistema ta’ metro taħt l-art li tinċentiva lis-sewwieqa ma jużawx il-karozzi privati.

Il-Perit u Inġinier Strutturali, Dr Konrad Xuereb qal “l-ewwel fażi tkun bejn il-Mellieħa u Marsaskala u tgħaddi minn San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra, imbagħad Ibraġġ, Swieqi, San Ġiljan, Sliema, Gżira, Msida, il-Belt, Paola, Tarxien, Żejtun u Marsaskala mbagħad iddur miż-Żejtun lejn l-airport”

Dr Xuereb qal li proġett bħal dan jista’ jinqasam fi tliet fażijiet, bit-tieni fażi tgħaqqad l-ajruport mal-Mellieħa b’waqfiet f’Ħal Qormi, Birkirkara, Ħal Lija, Ħal Balzan u l-Mosta u t-tielet fażi tgħaqqad il-Mellieħa mar-Rabat Għawdex.

“Ovvjament dan irid isir studju dettaljat biex jara r-rotta u dak ikollu l-prezz u kollox imma very broadly qed nitkellmu fuq 1.5 to 2 billion euros” qal Dr Konrad Xuereb.

Il-Perit Xuereb qal li għalkemm dan hu proġett ambizzjuz, fakkar li proġett simili ‘Crossrail’ b’tul ta’ 118-il kilometru f’Londra se jkun lest wara kważi għaxar snin ta’ xogħol bi spiża ta’ 17-il biljun ewro. Qal li proġett bħal dan għandu potenzjal jikseb fondi mill-Unjoni Ewropea u jkollu bosta vantaġġi fuq l-ekonomija u s-sistema nazzjonali tas-saħħa.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ġie inawgurat uffiċjalment il-proġett ta’ tour virtwali fil-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Dan il-proġett, mgħejjun mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, inħoloq matul il-pandemija tal-COVID-19 bil-ħsieb li l-katidral xorta waħda jiftaħ il-bibieb…

Storja

Heritage Malta għadha kif fetħet tliet siti ta’ importanza storika li jinsabu f’qiegħ il-baħar biex issa l-aġenzija għandha 15-il sit marittimu b’importanza arkeoloġika. Is-siti huma B-24 bomber Liberator Amerikan li…

Lokali

Sehem Malta fil-Commonwealth kien diskuss f’laqgħa bejn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth il-Barunessa Patricia Scotland. Il-Ministru Bartolo tkellem dwar il-vokazzjoni naturali ta’ Malta bħala proponent ewlieni fil-komunità ta’…

Sport

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima ħabbar għajnuna ta’ €300,000 li se jitqassmu bejn 130 għaqda sportiva bħala sussidju fuq il-kirjiet tal-artijiet. Huwa spjega li l-għaqdiet sportivi kellhom…

Aktar