Lokali
Il-Gvern jippubblika s-salarji tal-membri tal-kabinett u tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-Gvern ippubblika s-salarji tal-membri tal-kabinett u tal-Kap tal-Oppożizzjoni kif kienu fl-aħħar għaxar snin. Il-Gvern qal li dawn is-salarji juru biċ-ċar li mill-2013 ma kien hemm l-ebda żieda fis-salarji tal-politiċi, inkluż tas-Segretarji Parlamentari. L-uniċi bidliet li joħorġu minn dawn is-salarji huma ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u ż-żieda tal-ftehim kollettiv ġdid li sar fl-2017.

Il-Gvern ippubblika s-salarji tal-membri tal-kabinett, inkluż tal-Prim Ministru, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari, kif ukoll tal-Kap tal-Oppożizzjoni, mill-2008 sal-2019. Mid-dokumenti jirriżulta li mill-2013 ma kienx hemm żieda fis-salarji tal-membri tal-kabinett. Fi stqarrija ġie spejgat li l-uniku tibdil kien mill-2017 meta sar il-ftehim kollettiv ġdid u l-membri tal-kabinett u l-Kap tal-Oppożizzjoni bdew jieħdu ż-żieda tal-ftehim kollettiv u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja skont l-iskala tas-servizz pubbliku. Il-Gvern qal li s-salarju ta’ segretarju parlamentari baqa’ dejjem 105% ta’ skala wieħed tas-servizz pubbliku, jiġifieri l-paga ta’ segretarju parlamentari hi ta’ 53,974 ewro.

Fl-istqarrija, il-Gvern fakkar li f’Marzu tal-2008 l-Gvern ta dak iż-żmien żied is-salarji tal-membri tal-kabinett bil-moħbi u li għalhekk fl-2009 u fl-2010 l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ddikjaraw li qalgħu iktar minn €80,000. Fid-dikjarazzjoni tal-membri tal-kabinett għall-2008 tidher ċifra li hi inqas minn hekk għaliex iż-żieda ta’ iktar minn €500 fil-ġimgħa kienet daħlet wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2008.

Il-Gvern qal li l-pubblikazzjoni tas-salarji turi li meta nbidel il-Gvern f’Marzu tal-2013, il-Prim Ministru żamm il-wegħda li l-Ministri u s-segretarji parlamentari jitħallsu l-istess livell ta’ salarju li kien hemm qabel Marzu tal-2008. Kompla jgħid li joħroġ ukoll li d-dikjarazzjoni tal-assi ta’ segretarju parlamentari llum turi li qed jitħallas €22,000 inqas mill-2008 – 2010 meta kienet fis-seħħ ż-żieda tal-onorarja.

B’referenza indiretta għall-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Gvern qal li min allega li kien hemm xi żieda fis-salarju tas-segretarju parlamentari għamel dan wara li qabbel salarju ta’ sena ma’ ta’ nofs sena, dak għaliex qabbel dak li segretarju parlamentari daħħal fl-2017, meta daħal fil-kariga f’Ġunju, ma’ dak li ddikjara għal sena sħiħa fl-2018.

Ara s-salarji mill-2008 sal-2019.

Aħbarijiet Oħra
Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar