Immigrazzjoni
Il-Gvern jirrifjuta talba tal-vapur tal-għaqda Lifeline biex jidħol Malta

Vapur tal-għaqda mhux governattiva Lifeline b’mitt immigrant abbord, għamel talba biex jidħol Malta. Din it-talba ġiet rifjutata mill-Gvern Malti li qal li mhuwiex l-awtorità kompetenti f’dan il-każ minħabba li l-immigranti kienu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana. Intant, grupp ta’ madwar 40 immigrant telqu minn Malta lejn il-Ġermanja.

Il-gvern Malti rrifjuta li jdaħħal Malta grupp ta’ mitt immigrant li ttellgħu abbord bastiment tal-NGO Lifeline meta kienu fiż-żona ta’ salvataġġ Libjana. L-għaqda qalet li l-immigranti, kollha rġiel fosthom anke tfal, kienu fuq dinghy li beda jagħmel l-ilma meta ġew salvati lbieraħ mill-bastiment Eleonore. L-għaqda Ġermaniża għamlet żewġ talbiet biex il-bastiment jidħol Malta biex iniżżel l-immigranti iżda kelliem għall-Gvern Malti ikkonferma li l-Gvern mhuwiex l-awtorità kompetenti dwar dan il-każ minħabba li l-immigranti kienu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana.

Il-kaptan tal-bastiment MV Eleonore huwa Claus Peter Reisch li f’Mejju li għadda kien immultat €10,000 wara li s-sena l-oħra daħal Malta b’madwar 200 immigrant abbord vapur ieħor tal-MV Lifeline. Intant, fl-Italja Matteo Salvini iffirma digriet li bih ma jħallix lil dan il-vapur, jidħol, jgħaddi jew jieqaf f’ibħra territorjali Taljani.

Dan kollu jsegwi ġurnata oħra impenjattiva għall-awtoritajiet Maltin li lbieraħ daħlu żewġ gruppi ta’ immigranti li kienu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fir-responsabiltà ta’ Malta.

Nhar il-Ġimgħa ddaħħal grupp ieħor 356 immigrant li se jitqassmu f’sitt pajjiżi ħhra tal-Unjoni Ewropea wara ftehim li ntlaħaq bejn il-Kummissjoni Ewropea, Malta u sitt stati oħra membri fl-Unjoni Ewropea. Ħadd minn dan il-grupp mhu se jibqa’ Malta.

Illum stess grupp ta’ immigranti salvati mill-awtoritajiet Maltin intbagħtu l-Ġermanja. Fi tweet il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-Ġermanja li qal qed tonora ftehim li sar biex l-immigranti jiġu rilokati.