Il-Gvern jirtira l-istaff diplomatiku kollu mil-Libja

Il-Gvern ħabbar li rtira l-istaff diplomatiku kollu li kellu fil-Libja. Ingħd li l-aħħar żewġ diplomatiċi li kien għad fadal imexxu l-ambaxxata Maltija fi Tripli waslu Malta aktar kmieni waranofsinhar wara li ntalbu jiġu lura Malta minħabba li s-sitwazzjoni fil-Libja kompliet sejra għall-agħar.

Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li l-ġimgħa l-oħra talab lill-Ambaxxatur Malti għal-Libja biex jiġi Malta għal taħditiet politiċi.

Il-Ministeru nnota b’dispjaċir li l-Ambaxxata Maltija fi Tripli u d-diplomatiċi Maltin kienu soġġetti għal pressjoni politika kbira matul dawn l-aħħar jiem fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

Il-Gvern qal li fuq naħa d-diplomatiċi Maltin kienu mwissija mill-Gvern ta’ Tobruk biex ma jikkomunikaw bl-ebda mod mal-Gvern maħtur mill-politiċi stess fi Tripli waqt li l-istess uffiċjali li jirrappreżentaw il-Parlament fi Tripli kienu qed jagħmlu pressjoni fuq id-diplomatiċi Malti u l-awtoritajiet Maltin biex jirrikonoxxu l-Gvern ta’ Tripli.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni fil-Libja u r-riskju li din setgħet iġġib magħha fuq is-sigurtà tad-diplomatiċi Maltin, il-Gvern qal li ma kellux alternattiva oħra ħlief dik li jirtira wkoll l-aħħar żewġ diplomatiċi li kien għad fadal fil-Libja.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tenna l-appell tiegħu biex il-Maltin ma jsiefrux lejn il-Libja u appella b’saħħa lil Maltin fil-Libja biex jitilqu immedjatament.

Fid-dawl tal-iżviluppi riċenti, il-Ministeru qal li kull min għandu bżonn ta’ assistenza konsulari għandu jagħmel kuntatt mal-Crisis Centre li reġa’ beda joffri s-servizzi tiegħu mil-lum.