Lokali
Il-Gvern jissottometti l-Budget 2022 għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Għaxart ijiem wara li ppreżenta fil-Parlament il-budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li l-Gvern ippreżentah lill-Kummissjoni Ewropea u jistenna li jiġi approvat lejn l-aħħar ta’ Novembru. Il-Ministru tal-Finanzi indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha fisser x’mistennija jkunu l-effetti tal-miżuri ewlenin li ħabbar.

Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li l-Gvern salva s-suq tax-xogħol fosthom għax il-qgħad hu inqas minn kif kien qabel il-pandemija. Il-Ministru Caruana tkellem dwar il-ħiliet tal-ħaddiema u qal li wara ċ-ċensiment nazzjonali, għall-ewwel darba f’Malta se jsir ċensiment dwar il-ħiliet tal-ħaddiema ħalli jkunu identifikati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet tagħhom.

Spjega li għal dan il-għan hemm fond apposta biex il-kumpaniji jħarrġu lill-ħaddiema tagħhom fil-ħiliet meħtieġa. Il-Ministru Caruana qal li mbagħad se jsir awditjar diġitali ta’ kull post tax-xogħol biex l-impjiegi l-ġodda li se jinħolqu jidħlu għalihom il-ħaddiema Maltin.

Dwar il-kritika tal-Oppożizzjoni fuq id-defiċit, il-Ministru Caruana qal li l-Gvern jaf kemm tiswa kull miżura li wiegħed. Il-Ministru Caruana qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni wiegħed kollox lil kulħadd mingħajr ma jaf kemm jiswew il-proposti li għamel, u kemm se jibbenefikaw minnhom nies.