Politika
Il-Gvern jittermina l-konsulenza ta’ Konrad Mizzi mal-MTA

Il-Ministeru għat-Turiżmu ħabbar li l-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Konrad Mizzi ġie tterminat. Fi stqarrija intqal li dan sar wara li l-Ministru ħadet parir legali, u li f’dan l-istadju l-Ministeru jista’ jikkonferma li qatt ma saru ħlasijiet b’rabta ma’ dan il-kuntratt lil Dr Mizzi. Aktar qabel l-Oppożizzjoni talbet li dal-kuntratt ikun diskuss b’urġenza fil-kumitat għall-kontijiet pubbliċi.

Dan wara li dalgħodu, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, indikat li fi żmien qasir ser tittieħed deċiżjoni dwar il-kuntratt ta’ konsulenza mogħti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) lill-eks Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi.

Kuntratt ta’ konsulenza li ngħata lill-eks Ministru tat-Turiżmu Mizzi mill-MTA ġimagħtejn wara li irreżenja minn Ministru, jinsab taħt skrutinju legali mit-tim legali tal-Gvern, fuq deċiżjoni tal-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli.

B’dan il-kuntratt, Dr Mizzi kien ser jitħallas €6,700 fix-xahar u kien intitolat għal karozza b’xufier, li jista’ jbiddilha mas-somma ta’ €11,400 fis-sena. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-kuntratt kien iffirmat qabel hija ngħatat ir-responsabbiltà għall-Ministeru tat-Turiżmu.

“Infurmata li l-kuntratt ġie ffirmat fid-9 ta’ Diċembru li għadda, u minnufih ilbieraħ, x’kien skoprejt, skattajt mekkaniżmu fuq il-validità ta’ dan il-kuntratt.”

Sadanittant, fil-Parlament, il-Ministru Byron Camilleri formalment irtira l-mozzjoni li kienet tinnomina lil Konrad Mizzi bħala Kap tad-Delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari tal-Organiżazzjoni dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, li tressqet fil-Parlament it-Tnejn. Huwa qal li ser titressaq mozzjoni oħra li tinnomina lil Jean Claude Micallef biex ikun il-Kap tad-Delegazzjoni.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Irtirata l-ħatra ta’ Konrad Mizzi bħala Kap tad-delegazzjoni Maltija tal-OSCE

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Il-Knisja f’Malta llum tiċċelebra l-festa tal-Beata Maria Adeodata Pisani. Il-ġurnata tal-festa kienet intgħażlet mill-Papa Ġwanni Pawlu II meta bbeatifika l-ewwel tliet Maltin f’ċerimonja fuq il-Fosos tal-Floriana f’Mejju tas-sena 2001. Il-ġurnata…

Kronaka

Raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun. L-inċident seħħ bejn bejn vettura tal-għamla Toyota Aygo, li…

Stejjer Umani

Filmat ta’ tifel ċkejken ta’ 9 snin inxtered f’ħakka ta’ għajn mad-dinja kollha meta esprima d-dwejjaq li ħakmuh minħabba l-bullying. Fil-filmat miġbud minn ommu, Quaden Bayles jinstema’ jgħid li jrid…

Aktar