Politika Lokali
Il-Gvern Malti b’deċiżjonijiet li jħarsu l-interess nazzjonali u d-dinjità umana – il-PM

Il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, spjega li fid-deċiżjoni li ħa l-Gvern Malti dwar l-immigrazzjoni ntlaħaq bilanċ bejn l-interess nazzjonali u d-dinjità umana.

F’intervista fuq ONE Radio, Dr Muscat spjega kif Malta ma tgħabbietx b’piż li ma tiflaħx għalih, għax l-immigranti tal-vapur Aquarius ser jittieħdu kollha minn pajjiżi oħra waqt li ħabbar ukoll li ħafna mill-immigranti li nstabu f’razzett tal-baqar ser jintbagħtu l-Italja.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li ġew Malta l-esperti mill-ħames pajjiżi li bejniethom se jieħdu lill-immigranti kollha li daħlu Malta fuq il-vapur Aquarius. Qal li minn nhar it-Tnejn se jibda l-proċess biex il-141 immigrant jitqassmu bejn Franza, il-Ġermanja, Spanja, il-Portugall u l-Lussemburgu.

F’intervista fuq One Radio, il-Prim Ministru spjega li kien ilu mis-Sibt li għadda f’komunikazzjoni mal-President ta’ Franza Emmanuel Macron, li qal ħa l-inizjattiva biex tinstab soluzzjoni Ewropea dwar il-vapur Aquarius, li kien wieqaf bejn Malta u l-Italja. Dr Muscat żied li fl-istess waqt Malta nnegozjat biex nofs grupp iehor ta’ 114-il persuna salvati minn Malta jittieħdu minn pajjiżi oħra. Spjega li n-negozjar ta’ Malta bbillanċja bejn l-interess nazzjonali biex Malta ma titgħabbiex b’piż li ma tiflaħx għalih u d-dinjità umana.

Dwar il-każ ta’ immigranti li nstabu f’farm tal-baqar f’Ħal Qormi, Dr Muscat qal li ħafna minnhom ma ġewx bil-baħar imma ġew bl-ajru mill-Italja. Żied li dawn ma jistgħux jaħdmu hawn Malta u se jibda l-proċess biex jintbagħtu lura l-Italja.

Mistoqsi għal xiex il-vapur Aquarius tħalla jitlaq minn Malta lejn Marsilja fi Franza, fejn għandu s-sidien tiegħu. Spjega li bil-liġi internazzjonali dan il-vapur jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-pajjiżi li ħarġulu l-bandiera, li qed jinvestigawh. Żied li ż-żewġ vapuri simili li qed jinżammu milli jitilqu minn Malta, wieħed għandu każ il-Qorti u ieħor qed jinżamm sakemm ikun aċċerat jekk ir-reġistrazzjoni tiegħu tippermettilux li jagħmel ħidmiet ta’ salvataġġ.

Dwar il-kwistjonijiet bejn Malta u l-Italja, il-Prim Ministru qal li bħalissa għaddejjin każ jew tnejn delikati, fosthom ta’ dgħajsa b’170 immigrant li rrifjutat l-għajnuna ta’ Malta u li l-immigranti ttellgħu fuq vapur Taljan qrib Lampedusa u għalhekk jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Italja.

Il-Prim Ministru esprima solidarjetà mal-poplu Taljan minħabba t-traġedja fil-pont ta’ Genova, li qal hija tagħlima għal kull gvern li jieħu ħsieb l-infrastruttura. Qal li s-sena li għaddiet il-Gvern għamel analiżi ta’ kull pont f’Malta, li wasslet biex saru xogħlijiet ta’ emerġenza fuq il-pont tal-Mistra u se tittieħed azzjoni fuq pont f’Ħal Qormi.

Dwar ir-rapport tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu d-DBRS, Dr Muscat qal li din irrimarkat b’mod interessanti fuq governanza tajba, u li minkejja l-kritika meta tiġi għall-indikaturi tal-World Bank, Malta hija mal-aqwa 25 pajjiz fid-dinja.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Kummissjoni Ewropea sejħet lill-istati membri bi skemi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment biex isaħħu l-kontrolli u l-iskrutinju li jagħmlu fuq l-applikanti minħabba r-riskji li dawn l-iskemi jistgħu jintużaw għal skopijiet…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat assigura li l-abbozz ta’ ftehim finali li se jiġi ppreżentat għall-ftehim mal-grupp Corinthia se jindirizza t-tħassib ġenwin li tqajjem minn kwartieri differenti. Mistoqsi dwar il-valur tal-art,…

Lokali

X Factor Malta ħabbar li r-rebbieħ ta’ The X Factor UK 2018, Dalton Harris se jkun il-mistieden speċjali għall-finali ta’ X Factor Malta. Dalton Harris flimkien ma’ James Arthur nedew…

Brexit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament fisser il-passi li qed jieħu l-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ftehim bejn…

Aktar