Il-gvern Malti jagħti €300,000 fi provisti lill-Palestinjani f’Gaża

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Palestinjana WAFA, il-gvern Malti f’ġest umanitarju ser jagħti bi €300,000 fi provisti u għajnuna medika lill-Palestinjani f’Gaza.

Il-WAFA qalet li r-rappreżentant tal-gvern Malti għal Palestina, Mark Pace wiegħed din l-għajnuna ta’ emerġenza f’laqgħa li kellu f’Ramallah mal-assistent ministru tal-affarijiet ewropej tal-awtorità palestinjana Amal Jado.

Ir-rappreżentant tal-gvern Malti qal ukoll li Malta ser tagħti ħamsin elf ewro lill-aġenzija tan-nazzjonijiet magħquda li qed taħdem mal-vittmi tal-inkwiet f’Gaza.

Fil-laqgħa Jado tat aġġornament dettaljat tas-sitwazzjoni li hemm f’Gaza minħabba l-attakki Iżraeljani li qatlu kważi 2,000 ruħ.

Sadanittant fl-aħħar siegħat kompla jiġi osservat waqfien mil-ġlied ta’ tliet ijiem fl-istess waqt li fil-Kajr għaddejjin kuntatti indirett bejn rappreżentanti ta’ Iżrael u tal-Hamas dwar soluzzjoni għal konflitt bejn iż-żewġ naħat.