Lokali
“Il-Gvern mhux se jistrieħ qabel jinstab il-moħħ wara l-qtil ta’ DCG” – Owen Bonnici

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, qal li l-Gvern Malti mhux se jistrieħ qabel jinstab il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’laqgħa tal-Kumitat Speċjali dwar reati finanzjarji u skartar tat-taxxa tal-Parlament Ewropew, il-Ministru Bonnici qal li diġà tressqu 3 persuni quddiem il-Qrati Maltin li qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi għaliex Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi għadhom ma rreżenjawx mill-pożizzjoni tagħhom, il-Ministru Bonnici qal li ż-żewġ inkjesti li ġew ippubblikati kkonkludew li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tagħhom, ma kinux veritieri.

Dwar min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black, il-Ministru Bonnici qal li bħalissa għaddejja inkjesta dwar din il-kumpanija u bħala Ministru ma jkunx jaf id-dettalji tal-investigazzjoni. Hu tenna li l-fiduċja tiegħu fil-Qrati Maltin u qal li għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom fis-serenità.

Il-Ministru Bonnici elenka għadd ta’ liġijiet li għadda l-Gvern biex jirriforma fil-ġustizzja fosthom bil-liġi tal-preskrizzjoni għal reati mwettqa mill-politiċi, il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-liġi tal-whistleblower u t-twaqqif ta’ kumitat parlamentari li jiskrutinizza nies magħżula biex imexxu l-awtoritajiet regolatorja f’Malta.Dr Bonnici rrefera wkoll għat-twaqqif ta’ kumitat li bih jintgħażlu l-membri tal-ġudikatura.

Dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, Dr Bonnici qal li l-persuni li japplikaw għaċ-ċittadinanza jgħaddu minn għarbiel rigoruż. Spjega li l-programm ta’ Malta hu wieħed mill-ftit programmi li jesiġi li l-persuna li takkwista ċ-ċittadinanza jkollha preżenza fiżika f’Malta. Il-Ministru Bonnici qal li biex ikun hemm it-trasparenza, Malta hi waħda mill-ftit pajjiżi Ewropej li tippubblika l-ismijiet tal-persuni li kisbu ċ-ċittadinanza.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm Matthew Caruana Galizia, li allega li t-tliet akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lagħbu aktar minn nofs miljun fil-casinos ta’ Yorgen Fenech, li allegatament huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black. Hu appella biex jitwaqqaf tim magħmul minn membri tal-Europol biex jinvestiga l-allegat korruzzjoni tal-Ażerbajġan madwar l-Ewropa.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Saħnu l-irjus fix-Xlendi, f’Għawdex wara li turist ħebb għal xufier ta’ double-decker. L-inċident seħħ ilbieraħ fl-16:00 waqt l-attività tradizzjonali tal-ġosta li sseħħ ta’ kull sena fil-bajja. Mhux magħruf għala t-turist…

Kronaka

Anzjan ta’ 75 sena residenti l-Pietà tilef ħajtu meta waqa’ għoli ta’ tliet sulari. Il-każ seħħ ftit wara s-sebgħa ta’ llejla meta l-anzjan instab mal-art fl-inħawi ta’ ġnien li jinsab…

Lokali

Fil-ġranet li ġejjin, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija jagħmlu funeral tal-foqra lil erba’ persuni, li tlieta minnhom għandhom il-karta tal-identità Maltija li ilhom aktar minn xahrejn abbundannati fil-kamra mortwarja. Ma’ TVM, id-Direttur…

Aktar