Ekonomija u Finanzi
Il-Gvern qaleb il-folja minn defiċit ta’ €250m għal surplus ta’ €250m – il-PM

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Gvern kellu surplus fil-finanzi pubbliċi għaliex daħħal aktar milli nefaq.

Ċifri tal-Eurostat maħruġa għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea skont il-kriterji tal-patt ta’ stabilità ta’ Maastricht juru li l-Gvern kellu surplus ta’ kważi €251 miljun (€250.8) – ekwivalenti għal 2% tal-prodott domestiku gross. Dan huwa t-tieni l-akbar surplus fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea wara l-Lussemburgu li kellu surplus ta’ 2.4%.

Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li Malta kienet fost 13-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea li spiċċaw is-sena li għaddiet b’bilanċ, waqt li r-Rumanija u Ċipru kellhom l-akbar żbilanċ ta’ aktar minn 3% tal-prodott domestiku gross. Il-Eurostat wera wkoll li r-rata tad-dejn ta’ Malta naqset għal 46% li huwa kważi 4% inqas mill-2017.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ċ-ċifri juru l-progress kbir fil-finanzi tal-Gvern li qaleb il-folja minn defiċit għal surplus, u minn finanzi mhux sostenibbli għal sostenibbiltà.

“Writna defiċit ta’ €250 miljun; writna defiċit ta’ 3%, illum għandna surplus ta’ €250 miljun jiġifieri 2% tal-ekonomija”, qal il-Prim Ministru.

Għalkemm is-surplus huwa €136 miljun inqas milli kien fl-2017, il-Prim Ministru Muscat qal li l-Gvern iħares lejn l-immaniġġjar tal-ekonomija b’mod ħolistiku bil-ġid joħloq il-ġid. Qal li s-surplus ma nkisibx għax il-Gvern naqqas in-nefqa jew żied it-taxxi, iżda nkiseb bit-tisħiħ tal-ekonomija. Qal li dan ippermetta lill-Gvern jieħu miżuri bħaċ-childcare mingħajr ħlas u t-tnaqqis fit-taxxa.

Dr Muscat qal, “Inżidu n-nefqa iva, iżda importanti li d-dħul ikun dejjem ogħla min-nefqa. Huma l-prinċipji kbar ekonomiċi imma l-prinċipji żgħar li fuqhom timxi kull familja bil-għaqal.”

Il-Prim Ministru Muscat qal li qed ikun irreġistrat surplus sostanzjali ta’ iktar minn kwart ta’ biljun ewro minkejja waħda mill-ikbar nefqiet li saret fl-infrastruttura.

“Iż-żieda fin-nefqa kapitali fit-2018 kienet 50% aktar minn dik tas-sena ta’ qabel. Li kieku ma nfaqniex dawk il-flus fi proġetti kapitali fosthom toroq u affarjiet oħra konna nerġgħu nirreġistraw surplus ta’ kważi nofs biljun, jiġifieri daqstant kienet b’saħħitha l-performance finanzjajra u ekonomika ta’ dan il-pajjiż,” żied jgħid Dr Muscat.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-mira tal-Gvern huwa li jibbilanċja l-kotba tiegħu. Qal li l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment jgħin biex is-surplus jikber iżda mingħajru, il-Gvern xorta kapaċi ma jonfoqx iżjed milli jdaħħal.

 

Ara wkoll:

Malta b’surplus ta’ €251 miljun fl-2018 – it-tieni l-akbar fl-UE

 

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar