Politika
Il-Gvern qed jaħdem fuq strateġija biex ikun miġġieled it-traffikar uman

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici, ħabbar li l-Gvern qed jaħdem fuq strateġija wiesgħa sabiex jiġi miġġieled it-traffikar uman. Hu qal dan waqt li kien qed jitkellem f’konferenza organizzata mill-FSWS, fil-Jum dedikat kontra t-traffikar uman.

Hu qal li din l-istrateġija mistennija twassal għal iktar prosekuzzjonijiet ta’ dawk allegatament ħatja, u kura u trattament aħjar tal-vittmi. Qal li l-Gvern jinsab kommess sabiex iwettaq din il-bidla, li fi kliemu tant hija bżonjuża, tant li qal bħalissa għaddej ukoll studju ta’ x’jista’ jiġi inkluż f’din l-istrateġija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, Alfred Grixti, qal li it-traffikar uman mhux neċessarjament marbut mal-prostituzzjoni, iżda huwa wisq iktar mifrux minn hekk. Qal li l-pandemija wasslet sabiex mijiet ta’ persuni minn pajjiżi terzi jiġu f’Malta b’kuntratt ta’ impjieg, liema kuntratt jindunaw li ma jiswa xejn, u jingħataw kuntratt ieħor b’kundizzjonijiet ferm inqas minn dak oriġinali.

Is-Sur Grixti qal li l-FSWS qed titratta għexieren ta’ każijiet ta’ dan it-tip, u li qed taħdem id f’id mal-Pulizija sabiex dan l-abbuż jinqata’.