Il-Gvern qed jara jekk il-każ tal-kirja tal-GWU lill-ARMS jaffettwax ċnus oħra

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern se jkun qed jimxi fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali dwar il-każ tal-kirja ta’ uffiċini fil-Workers Memorial Building fil-Belt lill-kumpanija ARMS. F’kumment lill-ġurnalisti wara l-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Forti Sant’Anġlu, Dr Muscat qal li ċ-ċens infeda u għaldaqstant ma jirriżultax li bħalissa hemm ksur tal-ftehim taċ-ċens.

Il-Prim Ministru qal ukoll li minn diskussjonijiet preliminari li l-Gvern diġà kellu mal-Avukat Ġenerali, jirriżulta li dan il-każ jista’ jkollu effett fuq ċnus u kuntratti oħra li għandu l-Gvern. Bħal eżempju semma l-bejgħ ta’ postijiet tal-housing b’rati ssussidjati fejn min jixtrihom ikollu l-kundizzjoni li ma jkunx jista’ jbiegħ dik il-proprjetà qabel għaxar snin. Dr Muscat qal li l-Gvern qed jgħarbel jekk il-każ tal-kirja tal-GWU lill-ARMS jipreġudikax kuntratti bħal dawn.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici spjega li il-parir tal-Avukat Ġenerali inkwistjoni, huwa tal-1997 u jitkellem fil-prinċipju dwar l-effetti f’każ li wieħed jifdi ċens. Żied li d-dibattitu huwa dwar punt legali u akkademiku u l-Gvern minbarra dan l-aspett tekniku qed jaraw wkoll l-effetti prattiċi fuq il-proprjetajiet kollha tal-Gvern li ngħataw b’ċens.

gwu buildinJumejn ilu, l-Awditur Ġenerali li ntalab jinvestiga jekk il-kirja ta’ uffiċini fil-Workers Memorial Building mill-General Workers Union lil kumpanija ARMS tiksirx il-ftehim taċ-ċens tal-post li sar mal-gvern, stabilixxa li l-kirja bir-rata ta’ kwazi €62,000 fis-sena tikser il-ftehim taċ-ċens minħabba li l-Union mhix azzjonista fil-kumpanija ARMS.

F’rapport lil Parlament, l-awditur qal li dan il-ksur tal-ftehim zgur kien għal perjodu ta’ kważi sena meta bdiet il-kirja f’April fl-2014 sa Mejju tal-2015. Wara li f’Mejju l-General Workers Union fdiet iċ-ċens tal-Workers Memorial Building bil-prezz ta’ €16,000, is-sitwazzjoni ġiet inqas ċara. Fir-rapport l-awditur jirrimarka li d-divizzjoni tal-proprjetajiet tal-gvern naqset li taġixxi fuq dan il-ksur tal-ftehim anki meta saret taf b’dan it-trasferiment.

L-awditur spjega li l-irregolarità seħħet minħabba li l-ftehim oriġinali mal-gvern sar bil-patt li l-union ma setgħetx tikri parti mill-binja lil kumpaniji li fihom hija ma kelliex tal-anqas 51 fil-mija tal-ishma. L-awditur irrimarka li din l-irregolarità tapplika ukoll fil-każ ta’ Sciacca Grill u Vjaggi Untours qabel il-fidi taċ-ċens. Żied jgħid li s-sitwazzjoni wara l-fidi taċ-ċens f’Mejju li għadda hija inqas ċara, u fil-fehma tal-Awditur Ġenerali, dan il-każ irid jiġi deċiż bi proċedura legali biex ikun determinat jekk dawn il-kirjiet issa humiex regolari jew le.