Politika
“Il-Gvern qed jikseb riżultati kontra l-qgħad għax in-nies huma fiċ-ċentru ta’ ħidmietu” – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li x-xogħol huwa l-bażi ta’ ħafna affarijiet u sostna li l-Gvern qed jikseb ir-riżultati fil-ġlieda kontra l-qgħad minħabba li n-nies huma fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Qal li l-istatistika tal-Eurostat dwar il-qgħad turi li bl-għajnuna tal-Gvern in-negozji setgħu jibqgħu mexjin ‘il quddiem. Dr Abela rrefera wkoll għal żewġ servizzi tas-saħħa li qal se jaffettwaw il-ħajja tan-nies, waħda titratta l-iffinanzjar tal-mediċini għall-persuni bl-IVF u l-oħra għall-pazjenti tas-cystic fibrosis.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Gvern qed jikseb ir-riżultati għax in-nies huma fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern. F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, Dr Abela irrefera għall-aħħar statistika tal-Eurostat dwar il-qgħad u qal li din turi li x-xogħol hu l-bażi ta’ ħafna affarijiet. Sostna li din l-istatistika f’Malta hi xhieda li pajjiżna qed jaqbad ir-ritmu ekonomiku hekk kif mal-2,500 persuna li kienu qiegħda fl-aħħar għaxar xhur sabu impjieg ifisser li dawn il-persuni u l-familji tagħhom jistgħu jaspiraw aħjar għall-futur tagħhom.

Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar ġranet il-Gvern ħabbar il-pjan li jmiss fil-programm ta’ tisħiħ fis-servizz tal-IVF biex mis-sena d-dieħla l-Gvern jiffinanzja anke l-mediċini għal dawk li jagħmlu l-IVF. Qal li dan hu qasam ieħor li bħala Gvern għandu l-kredibbilita’ dwaru għax skont hu kien Gvern Laburista li beda dan is-servizz u li l-persuni ma jħallsux għalih għax jeħduh mis-sistema tas-saħħa pubblika. Żied jgħid li minn din il-ġimgħa waslet Malta l-mediċina għall-pazjenti tas-cystic fibrosis, li qal tfisser investiment ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena, iżda li se tagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-pjan ta’ rkupru ekonomiku u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma impressjonax ruħu u sejjaħlu froġa. Qal li wara kollox l-istess Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-investiment mill-Gvern waqt il-pandemija fin-negozji u l-ħaddiema sejjaħlu tberbiq ta’ flus. Dr Abela qal li dan il-pjan ta’ rkupru jikkonferma kemm dan hu Gvern li qed jaħdem biex jinvesti fin-nies u biex il-poplu jkollu futur aħjar.

Il-Prim Ministru faħħar l-istrateġija ta’ wara l-Covid immexxija mill-Ministru Owen Bonnici. Qal li fil-pedament ta’ din il-viżjoni hemm ħames pilastri ewlenin li huma l-kwalita’ tal-ħajja, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-governanza tajba u l-ambjent. Qal li bihom il-gvern irid jindirizza tliet affarijiet; li jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadini, isostni n-negozju u x-xogħol u l-pajjiż jibqa’ reżiljenti. Dr Abela qal li l-Gvern hu onest man-nies għax dak li jwiegħed iwettqu. Qal li dan hu Gvern li mhux supperv u meta jkun hemm il-ġid tal-poplu Malti fin-nofs jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.