Politika
Il-Gvern qered l-ambjent wara li wiegħed li se jkun prijorità – Il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li sitt snin ilu, Joseph Muscat wiegħed li l-ambjent se jkun prijorità iżda f’sitt snin il-gvern Laburista qered l-ambjent Malti.

F’attività politika fiż-Żejtun, Dr Delia qal li l-Prim Ministru kien jgħid li jrid ineħħi l-power station li kien isejjaħ fabbrika tal-kanċer, u f’sitt snin għamel mill-pajjiż qasam industrijali li qed iżid it-tniġġis kuljum. Qal li 600 persuna kull sena qed tmut qabel iż-żmien minħabba t-tniġġiż tal-arja u l-Gvern ikompli jonfoq flus in-nies fit-twessigħ ta’ toroq biex ikompli jżid il-karozzi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-istimi tal-Eurostat li juru li s-sena li għaddiet, Malta kellha t-tieni l-akbar żieda fl-emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Qal li f’Malta dawn żdiedu b’6.7 fil-mija filwaqt li bħala medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dawn naqsu bi 2.5 fil-mija fuq l-2017. Irrimarka li l-Gvern jonfoq €700,000 f’kampanja ta’ marketing biex jgħid li m’hemmx problemi. Żied li l-mira ta’ Malta biex tipproduċi 10 fil-mija tal-enerġija minn sorsi nodfa, minkejja li hija mira baxxa ħafna, l-pajjiż għadu ma laħaqhiex.

Dr Delia qal li ż-żgħażagħ jinteressahom mill-ambjent u qed jixlu lill-ġenerazzjoni tal-lum li l-ambjent qed jirrovinawh. Saħaq li għall-Partit Nazzjonalista l-ambjent hu prijorità, u għalhekk qed joffri s-soluzzjonijet. Qal li l-Partit Nazzjonalista jħares b’viżjoni fit-tul lejn fejn irid il-pajjiż imur, u jaħdem biex joħloq, fost oħrajn, ekonomija ċirkolari. Żied jgħid li meta staqsa lill-Prim Ministru b’kemm se tkompli tikber il-popolazzjoni, ma weġibx, għax qal li l-Prim Ministru jimpurtah biss minn issa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti wkoll se jaħdmu favur immaniġġjar aħjar tal-iskart, kif ukoll arja, baħar, kampanja u enerġija aktar indaf. Temm jgħid li l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju mhumiex se jbiddlu l-Gvern, imma bil-vot tagħhom in-nies jistgħu jagħtu messaġġ lill-Gvern li anki huma tassew iridu ambjent nadif.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Fi tmiem din il-ġimgħa, mal-esebiti fil-Mużew tal-Avjazzjoni f’Ta’ Qali żdiedu sittin mutur. Il-klabb tal-Muturi Storiċi qed ifakkar It-tletin sena tiegħu b’wirja ta’ muturi antiki, klassiċi u militari fil-Mużew tal-Avjazzjoni f’Ta’…

Ambjent

Fil-jum dinji ddedikat għat-tindif, ħaddiema minn diversi entitajiet tal-Gvern qed jagħtu tindifa kbira f’Ta’ Qali. Ix-xogħol, li mistenni jissokkta fil-jiem li ġejjin, hu wkoll bi tħejjija għall-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Park…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, wiegħed li gvern Nazzjonalista jreġġa’ lura d-demokrazija u jagħti lill-pajjiż viżjoni fit-tul li qal hi nieqsa fl-aġenda tal-gvern preżenti. F’mass meeting quddiem id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà,…

Qorti

Wayne Catania ta’ 29 sena mill-Ħamrun baqa’ miżmum arrestat wara li tessaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ serq ta’ vettura u li seraq u għamel ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor. L-akkużat wieġeb…

Aktar