Budget
Il-Gvern se jagħmel tajjeb għas-sick leave ta’ min jimrad bil-kanċer

Fil-baġit tħabbar li min għandu diżabilità severa u ma jistax jaħdem se jingħata pensjoni daqs il-paga minima, filwaqt li ġenituri li jieħdu ħsieb tfal b’diżabilità jew mard rari se jkollhom mħallsa mill-Gvern sa tmien snin bolla. Tħabbar ukoll li min għandu kanċer u jispiċċalu s-sick leave, il-Gvern ser jagħmel tajjeb għall-kumplament tal-ġranet sick leave.

Il-Gvern ħabbar l-aħħar fażi tar-riforma fl-assistenza għal persuni b’diżabilità severa li ma jistgħux jaħdmu. Dawn se jingħataw pensjoni ekwivalenti għall-paga minima, jiġifieri €161.40 fil-ġimgħa mingħajr l-obbligu li jħallsu l-bolla. Minn din il-miżura se jibbenefikaw 650 persuna.

Il-Ministru Scicluna ħabbar li l-ġenituri ta’ tfal b’mard rari li ma jistgħux jaħdmu minħabba l-kundizzjoni tat-tfal se jkollhom koperti sa tmien snin bolla biex b’hekk ma jitilfux mill-pensjoni meta jirtiraw mill-impjieg.

Miżura oħra f’dan il-qasam hija li l-għajnuna għax-xiri ta’ apparat speċjali għal persuni b’diżabilità se tiżdied b’€400 sa massimu ta’ €1,000. Tħabbar ukoll li se jitwessgħu l-kriterji mediċi għal persuni nieqsa mis-smigħ jew dawk li ma jitkellmux, għal assistenza tad-diżabilità meta jagħlqu s-sittax-il sena. Se jiġi varat ukoll helpline għall-persuni b’diżabilità, anki biex isiru rapporti ta’ abbuż.

Il-Ministru ħabbar ukoll għajnuna għal dawk li jkunu għaddejjin mill-marda tal-kanċer li ħafna drabi minħabba t-terapija jispiċċalhom is-sick leave. Dawn se jkun intitolat għas-sick leave mill-ewwel ġurnata biex dawn il-pazjenti ma jispiċċawx jitilfu mid-dħul sħiħ tal-paga.

Tħabbar ukoll li mill-ewwel ta’ Jannar li ġej, min ibati mill-kundizzjoni fibromyalgia se jibda jikkwalifika għal sick leave, jekk jgħaddi minn test tal-mezzi u l-kriterji mediċi ta’ eliġibilita’. Sabiex jiġi evitat abbuż, l-evalwazzjoni medika tingħata minn bord multi dixxiplinarju bid-dettalji dwar dan se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

Tħabbar ukoll proġett biex jiġu ngaġġati professjonisti biex iħarrġu u jiżviluppaw il-ħiliet tal-ħaddiema fi ħdan l-aġenzija Sapport speċjalment dawk li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità fil-komunità bil-għan li jitnaqqsu riskji ta’ korrimenti jew inċidenti f’każijiet ta’ mġiba diffiċli.

Fil-qasam tas-saħħa tħabbar investiment ta’ apparat robotiku għall-operazzjonijiet f’interventi fil-qasam tal-onkoloġija, kif ukoll żieda fiċ-ċentri reġjonali tas-saħħa, b’ċentru ieħor li se jinfetaħ fit-tramuntana ta’ Malta biex isaħħu s-servizzi li jingħataw fiċ-ċentri tas-saħħa. Se jinbena wkoll ċentru għall-kura primarja f’Għawdex. Tħabbar ukoll li se jitkompla t-tiġdid fl-isptar Monte Karmeli u tissokta l-ħidma għal sptar ġdid għall-kura mentali u żieda ta’ kura psikjatrika fil-komunità. Il-baġit isemmi wkoll żieda ta’ mediċini ġodda fosthom għall-kura tal-qalb, ċirkulazzjoni, kanċer, mard tal-ġilda u mard rari, u jiġi estiż ukoll il-programm biex tiġi eliminata l-eptatite Ċ. Tħabbar ukoll ċentru nazzjonali għal persuni esposti għal kimiċi tossiċi varji. Se jissaħħu wkoll is-servizzi f’każ ta’ stupru u l-appoġġ għall-vittmi.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Fi stqarrija mill-Uffiċju tas-Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà intqal li l-Kap taċ-Ċivil ilu jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà sa’ mis-sena 2001 fuq nomina u approvazzjoni tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Eddie…

Politika

Id-Dipartiment tat-taxxa ġabar €106 miljun f’multi fuq taxxa mhux dikjarata fl-2018, wara li investigaw 1,366 każ li kienu jinkludu l-każijiet marbuta mal-Panama Papers u s-Swiss Leaks. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi…

Qorti

Grupp ta’ 22 immigrant ġew ikkundannati 9 xhur ħabs u mmultati €800, wara li nstabu ħatja li ħadu sehem f’rewwixta fiċ-ċentru tad-detenzjoni f’Ħal Safi. Il-każ seħħ fis-sitta ta’ dan ix-xahar…

Aktar