Artiġjanat
Il-Gvern se jagħti €1m f’għajnuna lir-raħħala tal-ħalib li qed ibatu kawża tal-pandemija

It-tnaqqis fid-domanda għall-prodotti tal-ħalib frisk minħabba l-impatt tal-pandemija fuq it-turiżmu u r-restoranti, qiegħda tħalli riperkussjonijiet fuq ir-raħħala tal-ħalib f’Malta u Għawdex.

F’kummenti ma’ Television Malta, il-Ministru tal-Agrikoltura u s-sajd Anton Refalo ħabbar li l-Gvern ser ikun qiegħed jgħaddi lir-raħħala tal-ħalib mal-miljun Ewro biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-COVID-19 fuq il-produzzjoni u d-domanda għall-prodotti tal-ħalib.

Ir-raħħala tal-ħalib madwar Malta u Għawdex li jfornu lill-Malta Dairy Products bil-ħalib, qegħdin jiffaċjaw tnaqqis drastiku fid-domanda hekk kif is-settur turistiku u tar-restoranti f’dawn l-aħħar xhur ma baqgħux jikkonsmaw prodotti tal-ħalib daqskemm kienu qabel il-Covid-19.

Iċ-chairman tal-kooperativa tal-produtturi tal-ħalib, Brian Vella qal li minħabba li fix-xitwa l-baqar jipproduċu iktar ħalib, it-tnaqqis fid-domanda f’dan il-perjodu ser tfisser telf għar-raħħala tal-ħalib, li fl-aħħar snin ħafna minnhom kabbru l-merħla tagħhom.

”Kemm hu sostennibbli li jekk inti għandek post li għandu kapaċità li fih jistgħu jitrabbew ċertu produzzjoni, inti ovjament trid tnaqqas il-produzzjoni li inti investejt ġo post biex toħroġ dik il-produzzjoni. Ġifieri jekk inti r-raħħal ħa tmur fuqu biex tgħidlu biex inaqqas il-produzzjoni ser ikollu impatt fuq id-dħul sostenibilità tar-raħħal partikolari.”

Is-Sur Vella qal li filwaqt li r-raħħala jistgħu jnaqqsu l-produzzjoni billi jbiddlu r-riċetta tal-għalf tal-baqar, biex ma jipproduċux ħalib żejjed, dan xorta ser ikollu impatt finanzjarju fuq ir-raħħal.

F’kummenti ma’ Television Malta, il-Ministru tal-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo ħabbar li biex itaffi l-piż li qegħdin jerfgħu r-raħħala kawża tal-pandemija, il-Gvern ser ikun qed jagħti għotja ta’ miljun Ewro għar-raħħala tal-ħalib, u kwart ta’ miljun Ewro għar-raħħala taċ-ċanga.

”U Issa i-raħħala ser jieħdu mhux inqas minn miljun u kwart f’pagamenti diretti, minn fondi nazzjonali però kellna mmorru l-Ewropa biex dawn ġew approvati. Barra minn hekk indirettament ir-raħħla qegħdin jibbenifikaw minn miljun u nofs li qegħdin jibbenifikaw minnhom għall-magħlef. Però dan mhux biżżejjed, aħna qegħdin naraw kif ser nibqgħu spalla ma’ spalla mar-raħħala u mal-bdiewa tagħna.”

Il-Ministru Refalo qal li dawn il-fondi jistgħu jitqassmu issa għax il-Gvern ħaseb għalihom fil-bidu tal-pandemija, biex jiġi evitat il-kollass tal-industrija tal-ħalib, li kien iwassal biex kwantità ta’ ħalib, tispiċċa tintrema.

Minkejja t-tnaqqis fid-domanda, il-Malta Dairy Products qalet li aġġustat il-produzzjoni tagħha biex tuża l-ħalib kollu li rċiviet mingħand ir-raħħala.