Enerġija
Il-Gvern se jerġa’ jgħin NGOs jinstallaw pannelli tax-xemx fuq proprjetà tagħhom

Il-Gvern ħareġ it-tielet sejħa biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-istallazzjoni ta’ pannelli tax-xemx fuq proprjetà ta’ għaqdiet volontarji.

Il-Ministeru għall-Energija u s-Segretarjat Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji qalu li b’investiment miżjud ta’ €160,000 l-għaqdiet jistgħu jistallaw 12 jew 24 pannella mingħajr ħlas. L-iskema diġa’ għenet 61 għaqda volontarja.

Il-Ministru ghall-Enerġija, Miram Dalli, qalet li bl-użu tal-pannelli tax-xemx l-għaqdiet volontarji qed ikunu ta’ eżempju fejn apparti li jiffrankaw qed jagħmlu wkoll il-parti tagħhom favur il-protezzjoni tal-ambjent.

Hija ħeġġet għaqdiet oħra jkunu parteċipi fil-mixja lejn is-sostenibbiltà u l-miri ta’ Malta għal enerġija rinovabbli.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li din l-inizjattiva se twassal biex għaqdiet volontarji jgawdu minn roħs fil-kontijiet tad-dawl.

B’din l-inizjattiva, qal Dr Grima, il-Gvern żewweġ il-kunċetti tal-volontarjat ma’ dak ambjentali u bis-saħħa tal-pannelli l-għaqdiet volontarji se jgawdu minn ambjent aktar nadif u aktar fondi jintużaw fil-komunità.