Lokali
Il-Gvern se jerġa’ joħroġ il-bonds għall-persuni ‘l fuq minn 62 sena

F’nofs ix-xahar id-dieħel il-Gvern se jerġa’ joħroġ il-bonds għall-persuni ‘l fuq minn 62 sena. Intant, f’kummenti lil TVM, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern qed jaħseb biex iżid l-ammont massimu ta’ elf ewro fl-iskema li daħlet fis-seħħ ftit snin ilu li permezz tagħha anzjani jistgħu jiftħu kont bankarju mingħajr ma jeħlu t-taxxa fuq l-imgħax tiegħu.

Fit-tlettax u l-erbatax ta’ Marzu li ġej, għat-tielet darba l-Gvern se joħroġ il-bonds 62+ li jagħtu oppportunità lil persuni li għalqu 62 sena biex jinvestu f’bond tal-Gvern rati ta’ imgħax aktar vantaġġjużi. Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li dawn il-bonds se jkollhom rata ta’ imgħax ta’ 3% għal ħames snin. Qal li l-prijorità se tingħata lil persuni li sal-lum ma kellhomx ċans jinvestu f’dawn il-bonds.

Il-Ministru Scicluna qal li se jkunu offerti €65 miljun u jekk dawn jittieħdu kollha se jitilgħu għal €100 miljun. Il-professur Scicluna qal li kull persuna tista’ tinvesti sa €10,000 f’dawn il-bonds. Kompla jgħid li dawn il-bonds ma jistgħux jiġu mifdija jew mibjugħa qabel id-data ta’ maturità, għajr f’każijiet ta’ mewt u mard serju.

Il-Ministru Scicluna qal li fl-ewwel żewġ ħruġ ta’ dawn il-bonds, investew fihom 21,000 persuna.

TVM staqsa lill-Ministru Scicluna jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jgħolli l-ammont li l-anzjani jistgħu jinvestu f’kont bankarju apposta għalihom li huwa l-imgħax tiegħu huwa eżenti mit-taxxa.

Il-Ministru Scicluna qal “s’issa għadha elf ewro kull persuna, però m’hemm l-ebda dubju li wieħed jista’ jinkoraġixxi budget ieħor wieħed jaħseb fiha wkoll u jwessagħha għal elfejn. Wieħed irid jara l-andament għaliex bħalissa r-rati tal-imgħax mhumiex għoljin ħafna u allura ma tiġbidx dik l-attenzjoni li wieħed kien jistenna.”

Il-Ministru Scicluna fakkar ukoll fl-iskema tal-pensjoni privata li qal fil-budget ta’ dis-sena twessgħet minn elf għal elfejn ewro kull persuna li tista’ tiġġemma’ ma’ istituzzjoni ta’ kreditu biex meta tasal għall-eta’ tal-irtirar tkun tista’ tieħu pensjoni privata.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar