Lokali
Il-Gvern se jfassal strateġija biex jindirizza każi fejn tfal jiġu mċaħħda minn xi ħadd mill-ġenituri

Grupp tekniku se jkun qed janalizza l-parental alienation – meta ġenitur ibiegħed ġenitur ieħor mill-ulied. Dan se jsir bil-għan li jkun hemm strateġija u eventwalment tibdil legali biex din il-problema tiġi indirizzata. Din is-sitwazzjoni qed jiffaċċjawha fiż-żgur mal-100 u 150 ġenitur li jirrikorru għall-għajnuna tal-Fondazzjoni Happy Parenting Malta for Happier Children

Spiss it-tfal jispiċċaw bħal ballun bejn ġenitur u ieħor fi proċeduri legali ta’ separazzjoni. Il-fundatur tal-Fondazzjoni Happy Parenting Malta for Happier Children, Anthony Cauchi, spjega li ħafna tfal f’dawn is-sitwazzjonijiet qed jiġu mċaħħda minn xi ħadd mill-ġenituri u f’xi każi anke min-nanniet. Huwa ddeskriva l-‘parental alienation’ bħala vjolenza domestika fuq il-familja kollha.

“Titrigerja din is-sitwazzjoni fejn ġenitur jagħmel minn kollox biex ibiegħed, jimanipula, iċaħħad lill-ġenitur l-ieħor u l-familjari estensiva tagħhom, jiġifieri jħassar mill-memorja tat-tfal li kellu bond magħhom.”

Is-Sur Cauchi qal li l-Fondazzjoni għandha grupp ta’ appoġġ għal ġenituri u wlied li għaddew jew għaddejjin minn din is-sitwazzjoni. Semma kif fis-sena jirċievu bejn 100 u 150 ilment minn ġenituri li jgħaddi minn sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta.

Bil-għan li din il-problema tiġi indirizzata twaqqaf grupp tekniku li se jkun qed jitmexxa mill-avukat Andy Ellul, bħala chairperson.

“Kemm jista’ jkun nagħmlu għarfien aktar ta’ din il-fenomenu tal-parental alienation biex fl-aħħar mill-aħħar imbagħad noħorġu bi strateġija u konsultazzjoni ta’ kif għandna dan kollu jiġi rifless f’tibdil legali, li joħloq ċertezza legali f’dan il-kunċett.”

Il-kumitat jinkludi wkoll lill-President tal-Għaqda Happy Parenting Mary Gauci, il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli, il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri, Steve Libreri u l-avukat Fleur Abela.

Fit-tnedija tal-kumitat, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li t-tfal m’għandhomx jintużaw bħala għodda biex parti jew oħra tieħu vantaġġ. Żied li l-kumitat se jevalwa wkoll l-ineffiċjenzi tas-sistemi ġudizzjarji. Qal li d-dewmien biex jingħataw digrieti għall-kura u kustodja, jew għal aċċess qed iwasslu biex il-persuna li tipprova tbiegħed l-ulied mill-ġenitur l-ieħor tieħu vantaġġ.

Il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li mhux kulħadd qed jifhem li l-ewwel interess għandu jkun dak ta’ tfal. Irrimarka li l-awtorizzazzjoni tal-qorti biex jieqfu l-visti ta’ aċċess minħabba l-pandemija ġiet abbużata – ħafna drabi mill-ommijiet, li użaw l-iskuża tal-Covid biex ma jagħtu l-ebda aċċess lill-ġenitur l-ieħor.