Kultura
Il-Gvern se jgħin lill-artisti jekk jiżdiedu r-restrizzjonijiet tal-Covid

Il-Ministru għall-Wirt, Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera qal li fil-budget il-Gvern wera fiduċja sħiħa fis-settur artistiku b’żieda ta’ ‘l fuq minn €9 miljun mill-budget tas-sena l-oħra.

Huwa qal li jemmen li l-kultura tagħna hija l-għodda sabiex nimxu ‘l quddiem u jemmen li l-wirt ta’ pajjiżna għandu jiġi protett u apprezzat mill-ġenerazzjonijiet attwali u dawk li ġejjin.

Il-Ministru Herrera qal li fil-Budget 2022 il-Gvern ħareġ b’14-il skema li jappoġġjaw l-irkupru u s-setturi kulturali sabiex tingħata iktar stabilità lill-artisti biex ikomplu jtellgħu l-produzzjonijiet tagħhom.

Huwa żied li f’każ li r-restrizzjonijiet jiżdiedu l-Gvern se jidħol għal dan ir-riskju permezz ta’ allokazzjonijiet li qed jingħataw fosthom €1 miljun għal skema ta’ garanzija għal attivitajiet artistiċi indipendenti sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż minħabba restrizzjonijiet mhux mistennija u €1 miljun oħra għal skema ta’ għajnuna fi proġetti artistiċi indipendenti.

Il-ministru responsabbli mill-kultura kompla fakkar li r-rata tat-taxxa ta’ dħul għall-artisti se tkun imnaqqsa għal 7.5% u se tkun tapplika fis-sena 2022.