Politika
Il-Gvern se jiffoka fuq il-paga ndaqs għall-istess xogħol u l-iżvilupp sostenibbli – il-Ministru Abela

Il-kontribut tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili se jkun konsiderazzjoni primarja fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Gvern. Dan qalu l-Ministru fl-Ufiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, fil-ftuħ tal-laqgħa konġunta tal-Core Group tal-MEUSAC u l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali, Carmelo Abela, qal li fiż-żmien li ġej il-Gvern se jiffoka l-ħidma tiegħu fuq żewġ materji speċifiċi; il-paga ndaqs għall-istess xogħol u l-iżvilupp sostenibbli f’kull qasam.

“Il-Gvern huwa komess għal diversi raġunijiet, fosthom għaliex dan huwa parti mill-manifest elettorali li ġġieled fuqu f’Ġunju tal-2017 li kien u għadha waħda mill-punti ewlenin li l-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuqha reċenetement, li naħdmu aktar biex dan il-kunċett mhux biss jiġi diskuss iżda anke implimentat.”

Il-Ministru Abela kien qed jitkellem fil-ftuħ tal-laqgħa konġunta bejn il- Core Group tal-MEUSAC u l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Huwa saħaq li l-fatt li issa d-djalogu soċjali jaqa’ direttament taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jagħti aktar importanza lil dan il-proċess, li qal huwa importanti għall-governanza tajba.

Il-laqgħa bejn il-core group tal-Meusac u l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ddiskutiet diversi temi, fosthom Brexit u s-semestru Ewropew għall-kordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

Il-Ministru Abela qal li l-Gvern iqis is-semestru Ewropew bħala eżerċizzju importanti fil-kuntest tal-obbligi ta’ Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk huwa importanti ferm li niddjalogaw u niddiskutu l-istrateġija għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku.

Huwa qal li l-Gvern jagħraf l-importanza li l-korpi kostitwiti u s-soċjetà ċivili għandhom fit-tmexxija tal-pajjiż, filwaqt li wiegħed li se jara kif jiġu sfruttati s-sinġeriji bejn il-partijiet differenti sabiex jittieħdu l-aqwa deċiżjonijiet fil-qasam ambjentali, ekonomiku u soċjali.