Lokali

Il-Gvern se jissospendi l-għeluq taċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa

Il-Gvern qal li se jwaqqaf temporanjament il-proċess tal-għeluq taċ-ċentru miftuħ tal-Marsa, sakemm tinstab soluzzjoni biex il-piż tal-immigranti ma jaqax biss fuq il-komunità ta’ Birżebbuġa.

Fi stqarrija l-Gvern qal li hu kommess li jagħlaq iċ-ċentru miftuħ tal-Marsa kif imwiegħed fil-programm elettorali tiegħu.

Żied jgħid, iżda, li fl-aħħar sigħat kien ħa ra r-reazzjoni tan-nies ta’ Birżebbuġa, li qed iħossu li se jintefa’ piż sproporzjonat fuqhom jekk l-immigranti kollha jiġu trasferiti għal Ħal Far.

Għalhekk il-Gvern qal li se jwaqqaf dan il-proċess sakemm tinstab soluzzjoni li tkun ekwa u b’hekk ma jintefax il-piż kollu fuq komunità waħda biss. Il-Gvern tenna li hu kommess li jżomm mal-manifest tiegħu filwaqt li jsib soluzzjoni ekwa.