Lokali
Il-Gvern se jixtri 109 sodod f’Dar l-Annunzjata f’Tal-Barrani

Il-Gvern se jixtri 109 sodod f’Dar l-Annunzjata f’Tal-Barrani, f’Ħal Tarxien, li mistennija tiftaħ il-bibien tagħha f’Marzu li ġej kif spjegat id-direttur maniġerjali tad-dar, Blodwen Vella Spiteri.

“Bħala dar se tkun attrezzata b’230 sodda li huma maqsumin fuq seba’ sulari, is-sulari kollha kemm huma, huma dimensia friendly. Qed nistennew biex nibdew nilqgħu l-ewwel residenti f’Marzu li ġej. Nibdew bil-mod ovvjament mhux se jidħlu l-230 resident f’daqqa.”

Waqt żjara f’din ir-residenza, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia qal li minkejja l-pandemija l-investitur ma qgħadx lura u saħaq li mhux biżżejjed li wieħed joffri servizz iżda li dan irid ikun ta’ kwalità.

Il-Ministru faħħar lis-settur privat li qed jagħti mportanza lil min ibati mid-dimensja u semma kif aktar tard din is-sena l-Gvern se jiftaħ ċentru speċjaliżżat tad-dimenzja fil-komunità filwaqt li ċentri oħra fl-irħula ukoll se jaħsbu f’persuni b’din il-kundizzjoni.

Dr Farrugia qal li s-sodod li se jinxtraw f’Dar l-Annunzjata huma maħsuba għal dawk l-anzjani li qegħdin jistennew biex jidħlu f’dar residenzjali.

“Sadattant għaddejjin ukoll b’diskussjonijiet dwar il-bqija tas-sodod f’din il-faċilità u anki f’faċilitajiet oħrajn, djar oħra tal-anzjani fil-komunità li wasslu fil-final tal-kostruzzjoni tagħhom li qegħdin f’diskussjonijiet għax-xiri ta’ aktar sodod.”

Il-Ministru Farrugia qal li fl-2020, il-Gvern diġà xtara ‘l fuq minn 500 sodda u mat-800 anzjan iddaħħlu f’residenza għall-anzjani.