Politika
“Il-Gvern se jkompli jaħdem fuq riformi biex titjieb il-governanza u jissaħħaħ il-ġurnaliżmu” – il-PM

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li mill-ġimgħa li ġejja l-Gvern se jibda jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati fuq ir-rakkomandazzjonijiet mir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, Dr Abela qal li l-Gvern se jidħol għal din l-isfida b’sens ta’ responsabilità u għaqda nazzjonali biex il-pajjiż jissokta l-programm ta’ riformi fil-qasam tal-governanza u l-ġurnaliżmu. Sostna li dawn il-bidliet se jsaħħu l-mod kif jaħdem l-istat u l-istituzzjonijiet fil-pajjiż.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li l-Gvern se jissokta bil-programm ta’ ħidma u minn din il-ġimgħa stess, se jibdew id-diskussjonijiet ma’ dawk involuti dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’kollegament bit-telefon fuq ONE Radio, Dr Abela qal li ż-żewġ pilastri li se jmexxu lill-Gvern għal din l-isfida huma r-responsabbiltà u l-għaqda nazzjonali. Il-Prim Ministru spjega li l-għaqda nazzjonali ma jfissirx li kulħadd jaqbel f’kollox iżda li jkunu żviluppati l-ħsibijiet filwaqt li jsir dibattitu bl-ikbar rispett lejn kulħadd. Wera l-fehma li dawn il-bidliet se jsaħħu l-mod kif jaħdem l-istat u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru Abela qal li jeħtieġ riforma fil-ġurnaliżmu li hu r-raba’ pilastru tad-demokrazija fil-pajjiż. Fakkar kif fl-aħħar snin saru bidliet f’dan il-qasam fosthom meta tneħħa l-libell kriminali. Spjega iżda li issa l-pajiż dieħel f’fażi oħra fejn trid titfassal il-bażi għas-sostenibbiltà tal-professjoni. Semma fost oħrajn kif waqt il-pandemija l-Gvern ta l-għajnuna biex il-midja tibqa’ tgħix. Irrimarka li r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta huma bidu tajjeb biex tkun imtejba din il-professjoni.

Dwar l-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru stqarr li mhux se jilgħab logħob partiġġjan u rrimarka li l-attitudni tal-Oppożizzjoni se jiġġudikawha n-nies. Tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jagħti r-riżorsi meħtieġa lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż filwaqt li jibqa’ jirrispetta l-indipendenza tagħhom.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkompli joħloq l-opportunitajiet u jinċentiva l-bżulija. Innota li fl-ewwel sitt xhur tas-sena, naqsu bi 3% l-ammont ta’ persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Irrimarka li dan it-tnaqqis jistona ma’ dak li kien ġara fil-kriżi ekonomika tal-2008 meta kien hemm żieda ta’ 900 persuna fuq il-benefiċċji soċjali.

Dr Abela qal li din is-sena l-Gvern se jinvesti iktar mill-biljun ewro tas-sena li għaddiet f’benefiċċji soċjali. Irrimarka li anke fil-budget li jmiss il-Gvern se jibqa’ jwieżen lil dawk l-iktar fil-bżonn għax qal li din mhux spiża iżda investiment li jrendi għad-dinjità tal-persuni. Il-Prim Ministru qal li n-nies jafu fejn qegħdin mal-Gvern minkejja li mhuwiex perfett.