Ambjent
Il-gvern se jwettaq proposta ta’ periti biex isir masġar fil-Park tal-Inwadar b’nefqa ta’ €20 miljun

Dwar il-qasam tal-ambjent, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li l-gvern se jimbarka fuq proposta li saret minn għadd ta’ periti dwar afforestazzjoni tal-Park tal-Inwadar li jestendi min-naħa tax-Xgħajra saż-Żonqor u bbażat fuq Management Plan għal Park tal-Inwadar sas-sena 2027.

Qal li din hija żona li fiha hemm art agrikola, art privata u partijiet oħra fejn jistgħu jiġu esplorati l-possibbiltajiet kollha biex jintlaħaq l-għan ta’ afforestazzjoni f’dan il-Park.

Il-Ministru qal li l-gvern hu impenjat li jwettaq il-proposta sabiex jirrijabilita meded ta’ art f’dan il-Park filwaqt li jsir it-tħawwil ta’ eluf ta’ għexieren ta’ siġar ġodda addattati għat-tipoloġija tal-inħawi.

Sostna li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li mhux biss tingħata dehra estetika differenti fid-dehra ta’ Malta kif tidher fuq il-mappa imma ser iwassal ukoll biex nagħmlu dan il-Park Nazzjonali, park b`masġar li jkun akbar minn dak tal-Buskett u li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd u jservi wkoll bħala attrazzjoni turistika.

Qal li dan il-proġett ser jinħadem fuq medda ta’ 5 snin b’investiment ta’ €20 miljun li jaċċerta wkoll s-sostenibbilità tiegħu b’mod partikolari fl-immaniġġjar tal-ilma u anke l-ħarsien tal-bijodiversità tal-Inwadar.

Huwa żied jgħid li l-Gvern ser jaħdmu mal-imsieħba kollha ħalli anke huma jkunu jistgħu jagħtu kontribut u jkunu parteċipi fis-suċċess ta’ dan il-proġett.

Dan jinkludi bdiewa, raħħala u persuni oħra li jużaw regolarment dan il-park.