Lokali
“Il-Gvern ser ifassal strateġija għall-qasam tat-turiżmu li ser tkopri l-10 snin li ġejjin”

Il-Gvern ser ifassal strateġija għall-qasam tat-turiżmu li ser tkopri l-10 snin li ġejjin. F’laqgħa mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi, l-MHRA il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ddiskuta l-istrateġija biex titfassal sabiex dan is-settur, li kien wieħed mill-aktar milqut mill-pandemija, jerġa’ jieħu r-ruħ kemm jista’ jkun malajr.

“Qed naħdmu fuq diversi skemi li ser inħabbru fiż-żmien li ġej. Ix-xogħol qed isir bejn il-Ministeru tat-Turiżmu u anke l-Awtorità tat-Turiżmu fejn qed naraw li fl-immedjat nerġgħu nattiraw it-turisti lejn pajjiżna u nħarsu ‘l quddiem sabiex fit-tul niksbu it-titlu ta’ destinazzjoni ta’ eċċellenza fil-qasam tat-turiżmu”.

Il-Ministru Bartolo qal li huwa importanti li l-prodott turistiku jkun ġenwin u jilħaq livell ta’ eċċellenza. Huwa faħħar lill-investituri fil-qasam turistiku għax baqgħu jinvestu u jaħdmu biex is-settur jibqa’ għaddej minkejja l-isfidi li ġabet il-pandemija.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra faħħar l-inpenn tal-Gvern waqt il-kriżi fil-pandemija għax sostna li l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern permezz tal-wage supplement u l-vouchers wasslu biex it-turiżmu f’Malta ser jirkupra qabel dak ta’ pajjiżi oħra.