Edukazzjoni
Il-Gvern u l-MUT jilħqu ftehim fuq il-ftuħ tal-iskejjel mit-Tnejn

Il-Gvern u l-Union tal-Għalliema (MUT) ħabbru li ntlaħaq qbil biex jinfetħu l-iskejjel minn nhar it-Tnejn.

Dan intqal fi stqarrija konġunta bejn il-Gvern, l-MUT, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti maħruġa tard waranofsinhar.

Intqal li minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar l-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti se jkunu miftuħa waqt li jkunu osservati l-miżuri kollha li ddaħħlu skont il-protokolli maqbula mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Intqal li matul il-laqgħa saret preżentazzjoni mill-Professur Charmaine Gauci bl-assistenza ta’ Dr Vincent Marmarà, biex il-partijiet ikollhom analiżi tal-istatistika tal-pandemija. Il-konklużjoni kienet li bl-iskejjel miftuħa iktar hemm tendenza li jonqsu l-każijiet fil-komunità għax il-familji jipparteċipaw f’inqas attivitajiet soċjali.

Minbarra fuq il-ftuħ tal-iskejjel, il-partijiet qablu li l-proċedura ta’ contact tracing u implimentazzjoni tal-protokolli tkun imsaħħa, kif ukoll li titjieb il-proċedura ta’ ċertifikati tal-mard li jiġu ppreżentati fl-iskejjel.

Intlaħaq qbil ukoll biex l-istaff tal-iskejjel jingħata prijorità fil-programm tal-implimentazzjoni tal-vaċċin, hekk kif bħalissa t-tilqima qed tingħata lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u lill-anzjani.

Barra minn hekk ġie mifthiem li l-partijiet kollha jkollhom aġġornament kull ġimgħa permezz ta’ figuri aġġornati dwar l-effett tal-pandemija fl-iskejjel, filwaqt li l-gvern u l-partijiet kollha qed jerġgħu jingħaqdu f’working group biex jiddiskutu u jirrevedu l-ħidma fil-pandemija b’mod kontinwu.

B’hekk mistennija jiġu rtirati d-direttivi tal-MUT wara strajk ta’ jumejn li ssejjaħ mill-union minħabba diskriminazzjoni bejn l-għalliema tal-gvern u dawk tal-Knisja, għax dawn tal-aħħar kienu qed jgħallmu lill-istudenti online, waqt li l-għalliema tal-gvern kienu se jgħallmu fiżikament mill-klassi.

Ara wkoll:

Bl-iskejjel miftuħa jonqsu l-każi tal-Covid fil-komunità – Prof. Gauci

AĠĠORNAT: “Hemm ottimiżmu miż-żewġ naħat” – Il-Ministru Caruana dwar il-laqgħat mal-MUT