Familja
Il-Gvern wettaq mad-90% tal-miżuri għall-familji fil-manifest

Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, qalu li l-Gvern wettaq medja ta’ 90 % tal-wegħdi elettorali b’rabta mat-titjib tal-familji.

Huma qalu dan b’rabta mal-Jum internazzjonali tal-Familji li se jkun mfakkar is-Sibt 15 ta’ Mejju.

Iż-żewġ ministri qalu li bil-provi dan il-Gvern anki jekk f’pandemija, kompla jwettaq miżuri biex il-familji jgħixu ħajja ta’ iktar kwalità, b’kuntrast ma’ amministrazzjonijiet preċedenti, li għal snin twal injoraw il-bżonnijiet tal-familji bit-tfal u anki lill-pensjonanti.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-miżuri kienu mmirati għal nies li qabel kienu minsijin, fosthom dawk li kienu jaqilgħu l-paga minima. Qal li dan il-Gvern għamel differenza kbira fil-ħajja tal-pensjonanti, li mis-sena 2013 lil hawn, raw il-pensjoni tagħhom tiżdied għal sitt darbiet.

Il-MinistruCarmelo Abela qal li minn 79 miżura favur il-familji fil-manifest elettorali, il-Gvern wettaq 80% minnhom. Fost il-miżuri kbar li affettwaw bil-kbir lill-familji kienu ċ-child care bla ħlas, li wasslet biex sas-sena li għaddiet is-sehem tan-nisa fid-dinja tax-xogħol tela’ għal 63.6%, jiġifieri ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministri qalu li lil hinn mill-manifest elettorali li fl-2017 ma kellu ebda ħjiel li ġejja pandemija, dan il-Gvern kompla żied miżuri tal-baġit u anki lil hinn minnu, b’familji li setgħu tilfu x-xogħol u d-dħul, iżda l-Gvern baqa’ jsostni kemm jiflaħ biex il-familji ma jaqgħux lura.