Budget
Il-Gvern xtara Villa Gwardamanġa fejn kienet tgħix ir-Reġina

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern xtara Villa G’Mangia fejn kienet tgħix ir-Reġina biex fiha isir proġett turistiku. Waqt li wieġeb għall-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-baġit, Dr Muscat żvela li l-baġit tal-Gvern diġà kiseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għaliex jissodisfa l-kriterji kollha fosthom minħabba surplus u tnaqqis fid-dejn. Ħabbar ukoll proġett ieħor ta’ €35 miljun biex jonqos it-tniġġis mil-vapuri fil-portijiet.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat żvela li l-budget tal-Gvern diġà kiseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Qal li stenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni jtenni li dan huwa budget riċiklat, b’Dr Muscat jgħid li veru li l-budget huwa riċiklat, għax huwa t-tielet budget bla taxxi u budget ieħor li ħalla aktar flus fil-bwiet tan-nies.

Il-Prim Ministru qal li budget riċiklati ħallew aktar minn €300 miljun fil-bwiet tan-nies, u fl-istess waqt il-Gvern spiċċa b’surplus għal ħames snin infila. Kompla jfisser kif dan huwa rifless fil-miżuri tal-budget, għax kieku b’defiċit, il-poplu, flok jirċievi, kien ikollu jħallas aktar imgħax fuq id-dejn.

Il-Prim Ministru qal li l-ispiża tal-Gvern, paragun mal-ekonomija, naqset u mhux żdiedet, u hija ta’ 37 fil-mija. Qal li dan minkejja li n-nefqa tal-gvern fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni irdoppjat mill-2012 ’l hawn. Dwar il-persons of trust, qal li l-Gvern għandu biss ħamsin persuna milli kien hemm fl-2013, u sostna li dawn ġabu riżultati tajbin għall-pajjiż. Qal li minkejja li l-Gvern naqqas it-taxxa, ir-rata tad-dejn naqset minn kważi min 80 fil-mija għal 40 fil-mija, u Malta hija fost 7 pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li rnexxielhom inaqqsu d-dejn. Dr Muscat qal li dan qed jirriżulta f’inqas imgħaxijiet bil-flus iffrankati jiġu investiti fil-Pulziija u l-Forzi Armati.

Il-Prim Ministru qal li dawn huma riżultat tad-deċiżjonijiet tal-Gvern, u semma li l-Unjoni Ewropea qed tbassar li Malta ser ikollha tkabbir ekonomiku, saħansitra aktar minn dak li l-gvern qed jipproġetta b’mod konservattiv. Dwar ir-reputazzjoni tal-pajjiz, Dr Muscat qal li meta kien hemm l-inċident tat-tanker Erica, il-Gvern Nazzjonalista sab Oppożizzjoni Laburista li għenitu, u mhux bħal ma qed jiġri llum.

Dr Muscat ikkritika l-attakk tal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq l-Avukat Ġenerali u l-Ġudikatura. Qal li għandu fiduċja fl-Avukat Ġenerali u fil-ġudikatura, għaliex il-Gvern jirrispetta verament is-saltna tad-dritt, anke meta d-deċiżjonijiet tal-Qorti ma jkunx jaqbel magħhom. Il-Prim Ministru qal li minkejja l-kritika tal-Oppożizzjoni dwar ir-reputazzjoni, Malta għadha tattira investiment f’diversi setturi, fosthom il-produzzjoni tal-mediċina tal-kannabis, fil-gaming u fil-blockchain, u diġà ħarġu 17-il liċenzja, b’kuntrarju għal dak li qal Dr Delia.

Il-Prim Ministru qal li Malta reġgħet ġiet fl-ewwel post fost il-pajjiżi Ewropej għas-servizzi tal-e-government. Qal li l-Gvern kompla jsaħħaħ dal-proġett li beda mill-Gvern Nazzjonalista. Dwar Għawdex qal li żdiedu 800 post ġdid tax-xogħol, b’ritmu ekonomiku li huwa anke aħjar minn ta’ Malta. Dr Muscat qal li dan huwa Gvern tax-xogħol u xogħol ta’ kwalità. Qal li dan jista’ jiġi konfermat mill-istatistika Ewropea anke għaliex żdiedu n-nisa fis-suq tax-xogħol u l-qgħad huwa fl-iktar livell baxx fl-istorja.Qal li legat tal-Gvern huwa li anke ħoloq xogħol għal persuni b’diżabiltà u bil-baġit dawk li ma jistgħux jaħdmu ser ikollhom pensjoni daqs il-paga minima.

Dwar il-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni għal ħaddiema barranin, Dr Muscat qal li mhux ser jilgħab il-logħba li ġġelled lill-Maltin mal-barranin. Stqarr li l-kritika tal-Oppożizzjoni dwar dan hija kważi xenofobika. Il-Prim Ministru fisser li l-ekonomija mhix tikber bil-ħaddiem għax kieku dan huwa hekk, l-Oppożizzjoni tista’ ssolvi l-problemi finanzjarji tagħha jekk timpjega aktar nies. Kompla jargumenta li minkejja li skont il-Kap tal-Oppożizzjoni l-barranin, fi żmien Gvern Nazzjonalista żdiedu bit-tliet darbiet, l-ekonomija xorta baqgħet bi tlikki tlikki. Dr Muscat sostna li l-maġġoranza tal-ħaddiema barranin huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Żied jgħid li 18% biss tal-barranin qed jagħmlu xogħol elementari u allura qal li ma jreġġix li dawn qed jaffettwaw il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Il-Prim Ministru qal li l-argument tal-Oppożizzjoni dwar il-ħaddiema barranin huwa żbaljat ukoll għaliex l-istatistika turi li s-sehem tal-konsum domestiku fil-GDP naqas u mhux żdied għax żewġ terzi tat-tkabbir ġej mis-servizzi u mill-esportazzjoni.

Il-Prim Ministru waqt li semma’ d-diversi miżuri u benefiċċji tal-baġit qal li s-suċċess ekonomiku u fil-qasam tal-impjiegi ġie rikonoxxut mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker.

Dwar l-inċident fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, il-Prim Ministru qal li min kiser il-liġi, hi x’inhi n-nazzjonalità tiegħu jrid jieħu dak li ħaqqu skont il-ligi. Ikkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni li bil-lingwaġġ tiegħu tefa’ lill-immigranti kollha f’keffa waħda. Il-Prim Ministru ddeplora wkoll d-diskors ta’ mibegġda fuq il-midja soċjali u appella lill-mezzi tax-xandir biex jaraw x’qed jinkiteb mill-qarrejja, saħansitra qal qlajjiet.

Dr Muscat stqarr li b’dan li qed jgħid, mhux se jkun popolari, iżda fakkar li terz tal-Maltin kienu emigraw. Qal li l-barranin huma milqugħa iżda jridu josservaw il-liġijiet u sejjaħ lill-Maltin biex ma jinġarrux mill-kurrenti tal-mibegħda ta’ minoranza. Il-Prim Ministru ammetta li meta ried il-push back kien żbalja. Allega li issa hija l-Oppożizzjoni li qed trewwaħ għal din it-triq u appella lill-Oppożizzjoni biex ma tagħmilx l-iżball li kien għamel hu.

Dr Muscat tkellem dwar l-investiment, is-saħħa u l-edukazzjoni. Qal li l-għalliema qatt ma ħadu żieda daqskemm ingħataw issa. Dwar il-faqar, il-Prim Ministru qal li skont il-Eurostat, il-familji li jwasslu sal-aħħar tax-xahar naqsu minn 17 għal kważi 4% fl-aħħar sitt snin. Semma’ ż-żieda fil-pensjoni u qal li biż-żidiet li ngħataw, il-pensjoni taż-żewġ terzi żdiedet bi 32%. Żied jgħid li mill-2013 ‘l hawn, 30,000 familja oħra saru sidien ta’ darhom u l-Gvern ser ikompli jinċentiva biex ikomplu jiżdiedu. Wieġeb punti oħra fuq is-suq tal-kera. Qal li hemm 2,900 jistennew housing socjali u mhux 4,000 u li l-Gvern qed jibni għalihom f’diversi lokalitajiet.

Dwar il-faqar, il-Prim Ministru qal li għall-Oppożizzjoni dan m’għadux perċezzjoni. Kompla jgħid li l-persuni fir-riskju tal-faqar fl-aħħar sitt snin naqsu bi 13,000 u dawk imċaħħda severament naqsu aktar. Huwa kkwota rapporti tal-Eurostat u oħrajn ta’ aġenziji internazzjonali li jikkonfermaw dan. Qal li l-mira tal-Gvern, li jkompli jnaqqas ir-riskju tal-faqar fost l-anzjani u jnaqqas aktar nies milli jkunu jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern jemmen fis-sostenibiltà billi jaħseb anke għal meta jinqala l-maltemp internazzjonali u ma jaqbilx mal-Oppożizzjoni li trid tnaqqas ir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku. Dwar l-ambjent u l-klima qal li l-Gvern għandu pakkett ta’ 35 miżura u hemm sfidi kbar anke għat-transizzjoni li trid issir. Qal li l-Gvern beda bl-għeluq tal-Power station tal-Marsa u l-qalba għall-gass u issa qed jindirizza t-tniġġiż tal-arja mill-vetturi b’miżuri mingħajr ma jżid it-taxxa, fosthom li eventwalment it-trasport pubbliku jkun b’xejn għal kulħadd.

Ħabbar li l-proġett ta’ €35 miljun biex il-vapuri jkunu jistgħu jieħdu l-enerġija mill-grid tal-enerġija biex jonqos it-tniġġis miċ-ċmieni tagħhom. Qal li dan il-proġett u l-vetturi elettriċi jistgħu jsiru għax il-Gvern investa f’power station tal-gass, li l-Partit Nazzjonalista kien u għadu kontriha.

Ħabbar li l-Gvern xtara Villa G’Mangia fejn kienet tgħix ir-Reġina biex ikun żvilupp proġett turistiku. Temm jgħid li jħares ‘il quddiem għax jemmen li Malta ser tkompli tikber b’titjib fil-kwalità tal-ħajja għall-faxex kollha tas-soċjetà.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-Gvern qed ifassal abbozz ta’ liġi biex Malta jkollha Qorti tal-Ambjent fejn jinstemgħu u jiġu deċiżi każi ta’ reati ambjentali. Il-Ministru tal-Ambjent qal li għandu l-kelma tal-avukati li l-abbozz ta’…

Edukazzjoni

Fil-bidu tas-sena d-dieħla, studenti mill-Korea t’Isfel se jibdew jitħarrġu f’Malta biex jiggradwaw bħala tekniċi fil-manutenzjoni tal-ajruplani. L-istudenti se jitħarrġu fl-MCAST wara qbil bejn il-kulleġġ, żewġ kumpaniji privati u l-gvern tal-Korea…

Edukazzjoni

Il-Fondazzjoni LifeCycle għamlet għotja ta’ €25,000 lill-Università għar-riċerka dwar ċesti li jitrabbew fil-kliewi. Riċerkaturi ser jagħmlu stħarriġ dwar il-ġenetika ta’ din il-kundizzjoni li tintiret fil-familji u twassal għal mard serju…

Televiżjoni u Radju

Il-prevedibbli se jsir imprevedibbli waqt l-għodwiet min-nhar it-Tnejn li ġej ma’ Carlo, Gordon u Anna fuq Magic Malta 91.7 FM. It-tliet karattri vivaċi b’livelli varji ta’ esperjenza radjofonika se jieħdu…

Aktar