Immigrazzjoni
40% tal-immigranti li telqu mil-Libja mill-bidu ta’ Jannar ġew interċettati

Il-pressjoni tal-immigrazzjoni irregolari mil-Libja lejn ix-xtut Ewropej kompliet żdiedet minħabba l-pandemija li qed twassal biex bosta ħaddiema fil-Libja li ma jikkwalifikawx għall-ażil qed jittantaw xortihom jaqsmu l-baħar. Ċifri li għandu TVM juru li l-gwardja tal-kosta Libjana, minkejja l-limitazzjoni tar-riżorsi, qed jirnexxielha tnaqqas l-eżodu tal-immigranti. Il-ftehim iffirmat ilbieraħ bejn Malta u l-Libja għandhu l-għan li jsaħħaħ l-impenn taż-żewġ pajjiżi kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Kwazi 40% tal-immigranti li telqu mil-Libja mill-bidu ta’ Jannar ġew interċettati mill-gwardja tal-kosta Libjana u ttieħdu lura l-Libja. Figuri tal-gwardja tal-kosta Libjana li kiseb TVM juru li mill-bidu tas-sena ‘l hawn, it-traffikanti tal-bnedmin iffaċilitaw it-traġitt ta’ kważi 9,000 persuna, kważi 60% aktar meta mqabbel mal-istess perjodu tas-seba’ l-oħra.

Tul ix-xahar ta’ Mejju biss huwa stmat li telqu mill-kosta Libjana mal-1,500 persuna li minnhom 588 gew interċettati fil-ġranet li għaddew. L-aktar xahar li fih twaqqfu t-traġitti tat-traffikanti tal-bnedmin kien Marzu, meta l-uffiċjali Libjani interċetaw 86% tad-dgħajjes kollha.

Jirriżulta li numru konsiderevoli ta’ immigranti li qed jitilqu fl-aħħar ġimgħat qed jagħmlu dan minħabba r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-Covid-19 fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Fosthom ħaddiema Tuneżini, Marokkini u mill-Bangladesh li lanqas jikkwalifikaw għall-ażil.

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal li l-ftehim milħuq fi Tripli bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-gvern Libjan qed jibgħat messaġġ ċar u b’saħħtu li l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiż i se jiġġieldu n-negozju illegali li jisfrutta l-immigrazzjoni.

”Permezz ta’ din il-koordinazzjoni bejn il-gwardja tal-kosta Libjana u l-Forzi Armati ta’ Malta, fl-aħħar jiem ġew interċettati, mijiet ta’ persuni li kienu se jagħmlu dan il-vjaġġ bejn il-Libja u Malta permezz tat-traffikanti tal-bnedmin.”

Żied li r-relazzjoni tajba ta’ Malta mal-Libja se tintuża biex Malta twassal ukoll il-vuċi tagħha b’aktar saħħa fl-Unjoni Ewropea.

”Qed inħeġġu l-UE biex tieħu d-deċiżjonijiet li għandha tieħu biex nindirizzaw din il-problema tal-immigrazzjoni rregolari fil-Mediterran.”

Il-Ministru Camilleri qal li l-problema tal-immgirazzjoni għandha tiġi indirizzata bil-Libja u saħaq li s-soluzzjoni għall-kunflitt Libjan hi fundamentali anke għall-paċi fil-Mediterran.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Infrastructure Malta għażlet żewġ artisti u żewġ ditti tal-arkitettura minn Malta, Ċipru u r-Rumanija sabiex jipproduċu erba’ xogħlijiet artistiċi kbar għaż-żoni bis-siġar u passaġġi madwar il-flyovers tal-Marsa Junction Project wara…

Kultura

Il-parruċċani tas-Siġġiewi 320 sena ilu kkummissjonaw żewġ biċċiet tal-arti, kurċifiss u kwadru li flimkien jirrappreżentaw ix-xena tal-golgota fi tliet dimensjonijiet. Din l-opra tal-arti kienet saret f’Ruma. F’dan iż-żmien kemm il-kurċifiss…

Stejjer Umani

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi illum qed jiċċelebra l-24 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Fr Martin filwaqt li radd ħajt lil Alla għal dak kollu…

Aktar