Lokali
Il-GWU mħassba dwar is-sentiment ta’ diskriminazzjoni u xenofobija fis-soċjetà

Il-General Workers’ Union esprimiet it-tħassib tagħha dwar is-sentiment ta’ diskriminazzjoni u xenofobija li qed jitrawwem fis-soċjetà Maltija.

Il-Union qalet li tikkundanna lil kull min qed ixerred ideat tal-lemin estrem u qed jipprova jgħawweġ dawn is-sentimenti bħala valuri tradizzjonali jew imħabba lejn in-nazzjon.

Fi stqarrija, il-GWU kompliet tgħid li nnotat li qed titqajjem il-biża’ u l-mibgħeda lejn il-barranin li jgħixu f’Malta, li qed jaħdmu u jikkontribwixxu għas-soċjetà Maltija. Għalhekk il-Union qalet li tikkundanna kwalunkwe diskors li jippromwovi immigrazzjoni selettiva u temmen li l-politika għandha responsabbiltà li twassal lill-poplu fatti veri.

Il-GWU kompliet tgħid li diskorsi li jpinġu lill-barranin bħala persuni li qed jimbuttaw l’isfel il-livell tal-pagi tal-ħaddiema huma ferm ’il bogħod mir-realtà.

Kompliet tgħid ukoll li l-ftehim kollettivi li tinnegozja l-GWU qatt ma jagħmlu distinzjoni bejn il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew nazzjonalità tal-ħaddiema iżda jindirizzaw ir-renumerazzjoni tal-ħaddiema skont it-tip ta’ xogħol li jwettqu, u mhux min huma.