Budget
Il-GWU tippreżenta lill-Prim Ministru l-proposti tagħha qabel il-budget

Il-General Works Union ippreżentat il-proposti tagħha ta’ qabel il-budget lill-Prim Ministru Robert Abela. Waqt laqgħa f’Kastilja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li kulħadd jaqbel li l-pajjiż għandu sfida kbira riżultat tal-pandemija imma meta tanalizza l-affarijiet, tagħraf l-għaqal tal-Gvern biex poġġa f’sisien sodi l-finanzi tal-pajjiż.

Is-Sur Bugeja qal li s-saħħa għandha tibqa’ dejjem prijorità imma fl-istess ħin għandu jinstab bilanċ bejn is-saħħa u l- ekonomija.

Kompla li s-suppliment tal-pagi għen biex ġew salvati eluf ta’ impiegi. Propona li din titkompla sas-sena d-dieħla għaliex mingħajrha, setturi fosthom dawk marbutin mal-ospitalità se jkollhom riperkussjonijiet.

Semma kif il-ħinijiet tax-xogħol tan-nies li qed jaħdmu mid-dar qed jiġu estiżi u appella biex din tiġi indirizzata.

Is-Sur Bugeja qal li l-ġrieħi tal-passat iridu jiġu indirizzati equal pay for equal work u li kulħadd jiġi msieħeb fi trejd union. Qal li eżempju ta’ kemm dan hu meħtieġ huma impjegati li ġew terminati b’sms fl-aħħar xhur.

Proposta oħra hi li jsir fond li jgawdu minnu dawk kollha li jħaddmu biex f’każ ta’ kriżi, il-post tax-xogħol ikollu fondi biżżejjed biex ikopri 75% tal-pagi. Kompla li wara 7 snin li fih għamlu investiment tajjeb, kif ġiet il-Covid-19 kulħadd qal li jekk mhux se jgħinhom il-gvern, se jkeċċu lil kulħadd.

Semma wkoll il-bżonn li jingħata kumpens għall-ħaddiema front liners kollha.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern irid jibbilanċja bejn drittijiet tal-ħaddiema, bi prijorità lil dawk li jinsabu fl-iskala t’isfel, u fl-istess ħin jara l-bżonnijiet ta’ min iħaddem.

Kompla li t-tema ta’ serħan il-moħħ hija kruċjali għall-Gvern, inkluż għal min iħaddem.

Dr Abela qal li t-telework hu kunċett li jogħoġbu, iżda żied li hu importanti li kulħadd ikun involut fid-diskussjoni biex waqt li jkunu ppreżervati d-drittijiet tal-ħaddiema, ma jinħolqux piżijiet lil min iħaddem li jispiċċaw jaqtgħu qalbhom minnhom.

Il-Prim Ministru qal li jaqbel ma’ menswalità mandatorja ma’ trade union u qal li importanti li l-menswalità tibqa’ baxxa.