Lokali
Il-GWU u l-UĦM jitolbu kumpens immedjat wara ż-żieda fil-prezz tal-petrol u d-diżil

Wara ż-żieda fil-prezzijiet tal-petrol u d-diżil, il-General Worker’s Union talbet kumpens immedjat għall-ħaddiema, pensjonanti u persuni vurnerabbli għaliex qalet li dawn iż-żidiet flimkien ma’ oħrajn ta’ prodotti oħra essenzjali, ser iħallu effett negattiv fuq is-saħħa tax-xiri tal-ħaddiema u pensjonanti.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja,fi stqarrija qal li b’żidiet bħal dawn jintilef l-valur ta’ dak negozjat u mirbuħ mill-ħaddiema fil-ftehimiet kollettivi.

Huwa tenna t-talba tal-union biex il-kumpens għall-għoli tal-ħajja jibda jingħata darbtejn fis-sena bil-għan li jkunu koperti żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali li jsiru minn żmien għal żmien.

Anke l-UĦM fi stqarrija qalet li tħeġġeġ lill-Gvern sabiex bl-aktar mod immedjat jikkumpensa lill-ħaddiema, il-familji tagħhom u l-pensjonanti permezz ta’ mekkaniżmu miftiehem mal-imsieħba soċjali.