Xogħol
Il-GWU titlob li jitwessa’ l-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol

Il-General Workers Union qed issejjaħ għal emendi fil-liġi tax-xogħol biex il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol jitwessa’ u jkopri lill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’azjenda, inkluż dawk li m’humiex f’impjieg dirett magħha. Il-union identifikat ħaddiema impjegati ma’ xi kuntratturi bħala vittmi ta’ prekarjat.

Qed tinsisti wkoll li kull ħaddiem li jinsab Malta jibbenefika mid-drittijiet li jgawdu l-ħaddiema kollha, irrispettivament hux mill-Unjoni Ewropea jew minn pajjiżi terzi.

Fis-servizz li jmiss, nitkellmu wkoll mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol u xejriet fost il-ħaddiema Maltin.

Għad-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joe Farrugia, il-parti l-kbira tal-kumpaniji jagħtu l-ewwel preferenza lill-ħaddiema Maltin. Argumenta li ż-żieda fil-ħaddiema barranin hija minħabba li m’hawnx biżżejjed riżorsi, kemm nies kif ukoll ħiliet. Is-Sur Farrugia qal li dan qed jiġri minkejja li l-pajjiż għandu rata għolja ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, fosthom anke fin-nisa u l-anzjani li jagħżlu li jkomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar.

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joe Farrugia qal “mingħajr barranin naħdmu? Fiċ-ċirkustanzi preżenti le. Fiċ-ċirkustanzi preżenti fejn għandek ċertu tkabbir ekonomiku, ikollna nghidu li fil-kostruzzjoni per eżempju dan l-aħħar qed nisimgħu bil-ħaddiema Torok li ġejjin. Il-proġetti li hawn bir-riżors lokali ma nistgħux naħdmuh.”

Ma ċaħadx li hemm xogħlijiet li qed jiġu skartati mill-Maltin.

“Kulħadd qed jara l-għażliet li għandu u jekk wieħed jiddejjaq jaħdem fil-weekend per eż. mhux se naħdem fit-turiżmu, u allura dik ukoll qed toħloq ċerti nuqqas ta’ nies f’setturi partikulari.”

Il-General Workers Union m’għandha ebda oġġezzjoni għall-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin u tinsisti li d-drittijiet tagħhom għandhom jitħarsu. Fi kliem is-Segretarju Ġenerali, Josef Bugeja, f’postijiet tax-xogħol fejn il-union għandha għarfien tara li l-ħaddiema barranin jaqgħu taħt l-istess ftehim kollettiv bħall-Maltin u għalhekk igawdu mill-istess paga u kundizzjonijiet tax-xogħol. Spjega li d-diffikultà fil-privat tqum meta ħaddiema ma jiġux impjegati direttament mal-kumpanija iżda jkunu ma’ kuntrattur u l-pagi mħallsa għall-istess xogħol ikunu anqas.

Is-Sur Bugeja qal “is-servizz tas-sigurtà jkun mogħti lill-kuntrattur tas-sigurtà, ikollok l-operator ġieli jġibuhom ukoll mill-ħaddiema tal-kuntrattur, it-tindif isir mill-ħaddiema tal-kuntrattur u allura hemmhekk qed ikollok diversi employers u l-kunċett tal-equal pay, li hu l-bażi tal-liġi Maltija tar-relazzjonijiet industrijali, dan mhux jintlaħaq.”

Mistoqsi kemm hi kbira l-problema, is-Sur Bugeja wera l-fehma li din hi mifruxa sew fil-privat. Mitlub jikkwantifikaha, qal li ma teżistix informazzjoni dwar dan u fl-aħħar laqgħa tal-MCESD talab li jiġi stabbilit kemm mill-55,000 ħaddiem barrani u l-impjiegi li qed jinħolqu fil-privat huma direttament mal-post tax-xogħol jew tal-kuntrattur. F’dan l-isfond, il-union għaddejja b’kampanja b’miri ċari.

“Qegħdin nitolbu lill-Gvern biex jemenda l-liġi eżistenti biex ikun hemm dan il-catchment u l-ħaddiem tal-kuntrattur ikollu l-istess kundizzjonijiet u benefiċċji bħall-ħaddiema li jkun qed jaħdem direttament, u jkun kopert bi ftehim kollettiv.”

Is-Sur Bugeja qal li l-General Workers Union għandha mas-6,000 ħaddiem barrani membri f’taqsima apposta li spjega ma tidħolx biss f’xogħol relatat mar-relazzjonijiet industrijali imma tgħinhom f’affarijiet oħra tal-ħajja.

Aħbarijiet Oħra
Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Edukazzjoni

Is-sajf wasal biex jintemm u dħalna fl-aħħar ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew l-iskejjel. Iżda x’inhuma s-sentimenti tal-ġenituri u l-istudenti dwar l-bidu tas-sena skolastika ġdida? TVM tkellem mal-ġenituri u l-istudenti. Mal-wieħed…

Lokali

Waqt l-aħħar tislima li ngħatat lil Enrica lbieraħ fil-knisja ta’ San Ġiljan, inġabru €10,000 għal Puttinu Cares. Enrica kienet tgħożż il-familja ta’ Puttinu li tant tawha kuraġġ u sabar waqt…

Edukazzjoni

The Rotary Malta Clubs are calling for applications from residents of Malta wishing to pursue a post-graduate degree. The scholarship offered to Maltese residents is worth $ 30,000 and is…

Aktar